Data Loading...

Il-Karmelu 86/3 (2021) Flipbook PDF

Il-Karmelu huwa perjodiku ta’ kull tliet xhur maħruġ mir-Reliġjużi Karmelitani Maltin b’artikli u aħbarijiet ta’ interes


110 Views
100 Downloads
FLIP PDF 4.58MB

DOWNLOAD FLIP

REPORT DMCA

MESSAĠĠ

Il-Verġni Marija u l-Ordni Karmelitan Fil-messaġġ ta’ din is-sena fl-okkażjoni tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu nhar is-16 ta’ Lulju, xtaqt naqsam magħkom il-ħsieb kif l-Ordni Karmelitan iħares lejn il-Verġni Marija. Il-Kostituzzjonijiet tal-Ordni, meta jitkellmu millVerġni Marija jgħidu li hija għandha sejħa speċjali: “Marija, imdella mill-Ispirtu ta’ Alla, hija l-Verġni ta’ qalb ġdida, li tagħti wiċċ uman lill-Kelma magħmula bniedem. Hija l-Verġni li tisma’ bil-għaqal u tikkontempla, li tgħożż u taħseb f’qalbha fuq ilġrajjiet u l-kliem tal-Mulej.” Kull Karmelitan li għandu għal qalbu l-Verġni Marija tal-Karmnu u li huwa membru tal-Familja Karmelitana, sew jekk inhu reliġjuż/a, ta’ ħajja tal-klawsura jew appostolika, terzjarju/a, devot/a tal-Madonna tal-Karmnu u talLabtu tal-Karmnu, irid jagħraf x’inhi s-sejħa tiegħu. Marija turina kif: billi niftħu qalbna għall-Kelma ta’ Alla u naraw Alla x’qed jitlob minna llum, fil-ġrajjiet li għaddejjin minnhom. Il-Verġni Marija hija Omm il-Mulej, hija d-dixxiplu perfett ta’ Ġesù, l-Għerf ta’ Alla. Meta Alla xeħet id-dell tiegħu fuqha, lil Marija, għallimha u ffurmaha bl-Ispirtu qaddis tiegħu biex taqra l-ħwejjeġ kbar li għamel magħha biex iġib il-ħelsien lill-umli u lillfoqra. Marija hija l-mara tal-fidi. Hija timxi wara Ġesù flimkien mad-dixxipli u taqsam magħhom il-ferħ, id-diffikultajiet u d-dedikazzjoni ta’ din ilmixja li titlob imħabba u qadi ta’ xulxin. Hija baqgħet maġenb Ġesù sal-aħħar u kienet mal-ewwel komunità Nisranija meta rċevew l-Ispirtu s-Santu u mtlew b’ħeġġa appostolika. Marija hija dik li ġġorr l-Aħbar it-Tajba ta’ salvazzjoni lill-bnedmin kollha. Hija l-mara li ġġib l-għaqda kemm fost id-dixxipli u kemm fost il-bnedmin l-oħra: ma’ Eliżabetta, mal-għarajjes ta’ Kana, man-nisa l-oħra u mal-aħwa ta’ Ġesù. F’Marija Verġni, Omm Alla u xbieha tal-Knisja, ilKarmelitani jsibu “x-xbieha perfetta ta’ dak kollu

li jixtiequ u jittamaw li jkunu fil-Knisja.” Huwa għalhekk li l-Karmelitani minn dejjem ħarsu lejn il-Madonna bħala l-Patruna tal-Ordni. Il-Karmelitani jsejħulha wkoll Omm u Ġmiel, għax dejjem żammew li l-Marija hija “l-Verġni l-aktar safja.” Marija hija eżempju mill-aqwa għall-Karmelitani li jagħrfu li Marija tgħix f’nofshom bħala omm u oħt, attenta għall-ħtiġijiet, tistenna u tittama, tbati u tifraħ. Minnha jitgħallmu jgħixu flimkien mal-aħwa filpreżenza ta’ Alla. Il-Labtu huwa sinjal tal-imħabba materna u dejjiema ta’ Marija lejn l-aħwa Karmelitani. Permezz taddevozzjoni tal-Labtu, il-Karmelu juri l-fatt li Marija hija qrib il-poplu ta’ Alla. Il-Labtu huwa “sinjal ta’ konsagrazzjoni lejha, mezz li bih il-fidili jieħdu sehem mill-Ordni u simbolu popolari u effettiv ta’ evanġelizzazzjoni.” F’dan ix-xahar speċjali ta’ Lulju, xtaqt nappella u nħeġġeġ lil kull min għandu għal qalbu lillMadonna tal-Karmnu u jara fiha l-mudell ewlieni ta’ kull Karmelitan, biex dakinhar tas-16 ta’ Lulju, ninġabru flimkien fis-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, il-Belt, skont id-direttivi li jagħtuna mill-Ministeru tas-Saħħa u mid-Djoċesi ta’ Malta, minħabba l-pandemija tal-covid-19. Dan għandu jkun mument sabiħ ta’ ringrazzjament ՚l Alla għal dak kollu li għamel magħna u fl-istess ħin talba ħerqana biex Malta u d-dinja tfittex toħroġ minn din il-mewġa qerrieda tal-pandemija. Ommna Marija tal-Karmnu tkebbisna fil-fidi u tħarisna, timliena bit-tama u ssaħħaħna bl-imħabba. Flimkien mal-editur, nawgura l-festa t-tajba lillqarrejja tal-perjodiku tagħna Il-Karmelu.

P. Joseph Saliba, O.Carm. Pirjol Provinċjal

Lulju - Settembru 2021

1

MARJOLOĠIJA

Marija rivelazzjoni u garanti tal-Inkarnazzjoni ta’ Ġesù minn P. Adrian Attard, OCD

Fil-ħarġa li għaddiet tajna bidu għal riflessjoni fuq kif Marija tirrifletti l-karatteristiċi prinċipali ta’ kull Persuna divina fit-Trinità qaddisa. Hemmhekk tkellimna fuq Marija bħala rifless tal-ħniena u l-ħlewwa ta’ Alla l-Missier. Din id-darba ħa nieqfu filqosor fuq ir-relazzjoni bejn Marija u l-Iben ta’ Alla, Ġesù Kristu. Il-ġrajja ewlenija fil-ħajja tal-Iben ta’ Alla hi l-inkarnazzjoni tiegħu. Tassew Alla u tassew bniedem, f’Ġesù nsibu l-integrazzjoni bejn id-divin u l-uman, bejn l-etern u l-istorja, bejn l-assolut u r-relattiv. L-inkarnazzjoni hi l-ġrajja fejn Alla mhux biss jurina min hu, imma wkoll jingħata għalina. Ilħajja intima u komunjonali ta’ Alla fih innifsu, issa tinfetaħ għalina wkoll. Meta, imbagħad, Ġesù “juri l-misteru tal-Missier u tal-imħabba tiegħu, juri wkoll għalkollox il-bniedem lill-bniedem stess u jurih issejħa l-aktar għolja tiegħu” (Gaudium et Spes 22). Sa mill-ewwel sekli ta’ storja Nisranija, id-diskors fuq Marija (jew Marjoloġija) dejjem nibet minn dak fuq Binha Ġesù (jew Kristoloġija), bħala l-Mulej u s-Salvatur. Kull meta l-Knisja nġabret biex tagħraf aħjar u tgħallem xi verità dwar Ġesù, ħasbet f’Marija u permezz ta’ Marija. Il-figura ta’ Marija tinsab dejjem marbuta mal-verità dwar Binha u mar-rwol tiegħu fil-misteru tal-fidwa. Għalhekk kull diskors fuq Marija jwassalna biex nigglorifikaw lill-Iben u nistqarru l-oriġini divin u etern tiegħu. Kristoloġija u Marjoloġija huma żewġ uċuħ tal-istess verità tal-fidi. Lil Marija nifhmuha biss fid-dawl talistorja tal-fidwa ta’ Kristu, u l-ġrajja tas-salvazzjoni nifhmuha fid-dawl tal-Verġni Omm Alla. F’dan is-sens, Marija hi bħal rivelazzjoni talInkarnazzjoni u garanti tal-verità tagħha; li ċoè minn issa ՚l quddiem Alla u l-bniedem huma integrati f’xulxin. Ippredestinata li tkun ħaġa waħda

2

Lulju - Settembru 2021

ma’ Ġesù, Marija tilqa’ u twassal lil Alla. S. Alwiġi M.G. de Montfort jikteb li “meta inti terfa’ ħsibijietek lejn Marija, Marija twassal dawk il-ħsibijiet tiegħek lejn Alla; inti ma tistax tfaħħar jew tqim lil Marija, mingħajr Marija ma tfaħħar u tqim ՚l Alla f’ismek. Marija hi għalkollox orjentata lejn Alla: tassew nista’ nsejħilha r-relazzjoni ta’ Alla, ladarba hi teżisti biss fir-relazzjoni tagħha m’Alla, jew bħall-eku t’Alla li jgħid u jirrepeti biss ‘Alla’. Meta inti tgħid ‘Marija’ hi tgħid ‘Alla’” (Trattat dwar id-devozzjoni vera lejn il-Verġni Mbierka Marija [TDV] n.225). Għalhekk, is-sehem ta’ Marija fl-istorja tal-fidwa hu li tkun verifika, garanzija u xhieda tal-verità fuq Kristu u l-Knisja tiegħu. Il-ħolqa li torbot flimkien Marija u Kristu hija ċertament il-maternità responsabbli tagħha. L-evanġelisti jsejħulha “omm Ġesù” mhux biss għax ġabitu fid-dinja u edukatu, imma l-aktar għax bil-fidi tagħha hi “marbuta b’mod li ma jinħallx mal-opra tas-salvazzjoni tal-Iben tagħha” (Sacrosanctum Concilium n.103). Il-fidi tagħha għamlitha l-ewwel Nisranija, l-Omm u l-bidu talKnisja li temmen: “Hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej” (Lq 1,45). Kif jistqarr S. Ġwanni Pawlu II fl-enċiklika Redemptoris Mater: “Marija daħlet fil-misteru ta’ Kristu proprju għaliex ‘emmnet’” (RM 12). Il-fidi hi bħal “muftieħ li jiftħilna l-verità l-aktar għolja dwar Marija” (RM 19), u għalhekk “fil-Knisja ta’ dak iż-żmien u ta’ kull żmien, Marija kienet u hi dik li hi ‘hienja għax emmnet’: hi kienet l-ewwel waħda li emmnet” (RM 26). L-atteġġjament eżistenzjali li jesprimi l-esseri ta’ Marija hu – skont S. Alwiġi M.G. de Montfort – li jkollha “umiltà profonda matul ħajjitha kollha u li ċċekken lilha nfisha biex tkun moħbija u mistura” (TDV 25). Bħalma Marija tneżżgħet minn kollox,

MARJOLOĠIJA

u l-interpretazzjoni simbolika tiegħu tal-Ewkaristija, il-Konċilju Ruman tal-1079 ikkonferma li wara l-konsagrazzjoni, il-ħobż u l-inbid huma “il-Ġisem veru mwieled minn Marija Verġni”. Dan ikompli jitfa’ dawl fuq irrwol storiku tal-Omm fl-umanità vera tal-Iben. Marija tfakkarna li l-Verb inkarnat fil-ġuf tagħha hu l-istess Ħobż tal-ħajja mogħti lill-fidili. Għalhekk, mentri Marija tgħaqqad flimkien is-sagrament tal-Ewkaristija mal-misteru tal-Inkarnazzjoni, tidentifika ՚l Kristu glorjuż mal-Ġesù storiku.

Raùl Berzosa. Marija u Ġesù, dettall “Il-Familja Mqaddsa fil-ħanut tax-xogħol”. Knisja ta’ Santa Marija Reġina tal-Familja, Gwatemala. hekk ukoll il-Verb ta’ Alla għex l-inkarnazzjoni bħala kenosi ta’ mħabba. Imnissel minnha, l-Iben hu riċettiv bħal Ommu; jorbot l-“iva” tiegħu lill-Missier mal-“iva” tal-Omm, il-“Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek, o Alla” (Lhud 10,7) mal-“isir minni skont kelmtek” (Lq 1,38) ta’ Marija; “jagħmel lilu nnifsu priġunier u lsir fil-ġuf tal-Verġni Mbierka, u fejn hemm huwa ried li jkun dipendenti minnha f’kollox, [... sa ma] ried li tieħu sehem miegħu fisSagrifiċċju u li bir-rieda tagħha Hu jiġi offrut lillMissier Etern” (TDV 243). Fis-seklu XIV insibu Innu Gregorjan li jgħid: “Ave verum corpus, natum de Maria Virgine”, “Sliem, Ġisem veru mwieled minn Marija Verġni”, li għall-kliem tiegħu Mozart, Schubert, Gounod, u tant oħrajn sawru mużika mill-isbaħ. Dan l-Innu hu eżempju ieħor tar-rapport tal-Verġni Mbierka ma’ Ġesù, din id-darba kif imfisser filmisteru Ewkaristiku. Din hi biss antifona fost ħafna li jixhdu l-fidi tal-Knisja li Marija hi wkoll garanti tal-preżenza vera u reali ta’ Ġesù flEwkaristija. Kontra Berengarju ta’ Tours (†1088)

Dan l-argument għandu jsaħħaħ iżjed id-devozzjoni tagħna lejn Omm Alla. Marija mhix optional, xi ħaġa li nistgħu ma nagħżluhiex għall-ħajja tagħna spiritwali, imma element intrinsiku u kostituttiv tagħha. Għax bħalma l-Verġni kienet – ipotetikament – meħtieġa għal Alla, għaliex hekk kienet ir-rieda tiegħu, hekk ukoll hi aktar meħtieġa għalina biex nilħqu l-iskop tal-ħajja tagħna: l-għaqda ma’ Ġesù Kristu, jew aħjar il-qdusija.

Dan ġej mill-istess rapport li Marija għandha ma’ Binha. U għalhekk, “iktar mal-Ispirtu s-Santu jsib lil Marija [...] fir-ruħ, iktar hu jaħdem bis-saħħa biex iġib lil Kristu f’dik ir-ruħ, u dik ir-ruħ fi Kristu” (TDV 20), u “jidħol fiha fil-milja tiegħu u jimlieha bil-preżenza tiegħu fi proporzjon daqskemm isib il-preżenza tal-Għarusa tiegħu” (TDV 36). Aktar ma ngħixu l-atteġġjamenti u d-dispożizzjoni ta’ Marija, ċoè aktar ma ngħixu l-preżenza mistika ta’ Marija, aktar insiru bħalha, capax Dei, jiġifieri nkunu kapaċi li nilqgħu lil Alla, li nilqgħu lil Kristu nnifsu. Ma jeżisti ebda rapport bejn Marija u Ġesù biex jingħalaq fih innifsu, f’intimiżmu bla ħajja u bla apertura. Pjuttost, dan nistgħu biss nifhmuh fiddawl tal-vokazzjoni speċjali tagħha u ta’ servizz għall-Knisja bħala forma Dei, il-“forma ta’ Alla”: “Hi l-forma, magħmula biex tifforma kreaturi jixbhu ՚l Alla. Kull min jiġi mixħut ġo din il-forma divina malajr jiġi ffurmat f’Ġesù Kristu, u Ġesù Kristu fih” (TDV 219).

Lulju - Settembru 2021

3

APPREZZAMENT

Iltaqgħet mal-Mulej minn Sor Lucy Vella, SCMTBG

Sor Pawla Brincat, SCMTBG (1933-2021) Sor Pawla twieldet San Ġiljan fit-22 ta’ Ottubru 1933. Fid-19 ta’ Marzu 1953, festa ta’ San Ġużepp, daħlet malKongregazzjoni tasSorijiet Karmelitani Missjunarji ta’ S. Teresa talBambin Ġesù (SCMTBG) ġewwa Santa Marinella (Ruma). Dritt wara li ħadet il-voti bil-Professjoni reliġjuża, nhar is-16 ta’ Lulju 1955, is-superjuri talbu lil Sor Pawla biex flimkien ma’ erba’ sorijiet oħra (tnejn minnhom ukoll Maltin) tmur il-Brażil, fl-Amerika Latina, biex jagħtu bidu ta’ Missjoni Karmelitana f’din l-art imbiegħda. Sor Pawla aċċettat bla tlaqliq u f’Novembru tal-istess sena, dawn il-ħames sorijiet bdew il-vjaġġ tagħhom lejn din l-art missjunarja. Damu sejrin bil-baħar ħmistax-il jum. Malli waslu l-Brażil, f’Paracatù, wara li ssetiljaw ftit, bla biża’ u b’kuraġġ kbir, Sor Pawla ntefgħet b’ruħha u b’ġisimha biex toffri l-għajnuna tagħha fejn kien hemm bżonn u fl-istess ħin twassal il-kelma u l-imħabba t’Alla. Għalkemm fil-bidu ma tantx kienet prattika fil-lingwa tal-post, ma kinitx taqta’ qalbha, u bis-sinjali u xi kelma ’l hawn u ’l hemm kienet tikkomunika ma’ kulħadd, fqar u mhumiex. Ix-xogħol prinċipali tagħha kien fl-isptarijiet fejn b’servizz lejn il-morda u bil-kelma t-tajba kienet ta’ għajnuna u ta’ eżempju għal ħafna. Damet il-Brażil sas-sena 1984, u sal-lum in-nies tal-post għadhom jiftakruha għall-kuraġġ tagħha u għall-għajnuna, materjali u spiritwali, li dejjem sabu fiha.

Imma l-ħidma missjunarja ta’ Sor Pawla ma ntemmitx mar-ritorn tagħha mill-Brażil. Proprju f’dik is-sena, il-Kongregazzjoni SCMTBG kienet qed tippjana biex tiftaħ Missjoni Karmelitana ġdida fl-Afrika, ġewwa t-Tanzanija. U għal darb’oħra s-Superjuri lluminati mill-kuraġġ u l-ħeġġa missjunarja ta’ Sor Pawla stednuha tingħaqad hi wkoll mal-ewwel grupp ta’ sorijiet għal din il-missjoni ġdida. Anke hawn, ġewwa t-Tanżanija, ħadmet bla waqfien fost il-fqar u speċjalment mal-morda fiddispensarju ta’ Changombe. Fl-1999, wara ħmistax-il sena oħra ta’ ħidma missjunarja fl-Afrika, is-saħħa ta’ Sor Pawla bdiet sejra lura. Għalhekk, irritornat l-Italja, fil-Casa Madre tal-Kongregazzjoni, u wara ftit taż-żmien f’art twelidha, hawn Malta, fil-komunitajiet ġewwa Ta’ Kerċem u tar-Rabat Għawdex. Hawnhekk Sor Pawla kienet tqatta’ l-ħin fit-talb u f’servizzi sempliċi fid-dar u fl-attivitajiet tal-komunità, kemm fl-iskola ġewwa Ta’ Kerċem kif ukoll malanzjani fir-Rabat. Ix-xewqa li tirritorna fil-missjoni dejjem baqgħet fiha. Dan l-aħħar, ta’ sikwit wieħed kien jinduna, li waqt li kienet tkun titkellem ma’ xi ħadd, il-ħsieb kien jeħodha l-Brażil jew l-Afrika, u kienet tibda titkellem bil-lingwi ta’ dawn il-postijiet bla ma tinduna! Kien wara 68 sena ta’ ħajja reliġjuża Karmelitana, nhar il-Ħamis 18 ta’ Marzu 2021, meta Sor Pawla Brincat temmet il-ħajja tagħha fuq din l-art, proprju kif bdietha, hekk temmitha: taħt il-ħarsien ta’ San Ġużepp! Sor Pawla tkompli l-missjoni tagħha missema minn fejn titlob għalina, għall-vokazzjonijiet Karmelitani u għall-missjunarji.

Ommna Marija tal-Karmnu tkun l-hena u l-faraġ tiegħek. 4

Lulju - Settembru 2021

INTERNAZZJONALI

Nimxu warajk kull fejn toħodna Verġni Marija minn P. Kurt Mizzi, O.Carm.

Ilkoll nafu li matul ix-xahar ta’ Lulju l-Karmelu jilbes l-isbaħ libsa tiegħu, hekk kif b’qalb hienja jrodd ħajr lil Alla għall-ġid kollu li qala’ mingħandu bl-interċessjoni ta’ Marija u waqt li jħares lejha u jsellmilha bħala Omm u Ġmiel tal-Karmelu, ikompli b’fiduċja sħiħa jittallab mingħandha kull ħarsien u barka li l-preżenza materna tagħha ssawwab fuqna. Xtaqt għalhekk li f’din il-ħarġa nagħti ħarsa ħafifa lejn kif il-Karmelu, imxerred mal-erbat irjieħ taddinja, iqim lil Alla f’din il-festa tant għażiża ta’ Marija taħt it-titlu tal-Karmelu. Żgur li ma nistax nagħti rendikont dettaljat jew insemmi l-festi kollha; ħsibt għalhekk li nagħżel żewġ postijiet simboliċi fejn iddevozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu hija ħajja u qawwija. Ħsibt li nitħaddet fuq il-kunventi tagħna f’Napli (l-Italja) u Recife (il-Brażil). Fil-knisja tal-kunvent ta’ Napli, magħruf bħala Il Carmine Maggiore, hija meqjuma b’għożża kbira x-xbieha tal-Madonna magħrufa bħala La Bruna. Għalkemm l-ebda dokument ma jagħtina ċertezza, skont it-tradizzjoni din kienet ix-xbieha li missirijietna ġiebu magħhom lejn l-Ewropa meta kellhom iħallu l-ewwel kunvent tagħhom fl-Art Imqaddsa. Ilkult lejn din ix-xbieha f’Napli jmur lura għas-seklu 13. Dan il-kult kompla jikber wara l-Ġublew tal1500, meta waħda mill-fratellanzi tal-belt telgħet pellegrinaġġ għall-Belt Eterna akkumpanjata minn din ix-xbieha. Kien dan l-avveniment li kompla żied il-qima tal-poplu lejn din ix-xbieha, hekk li l-patrijiet qegħduha f’post iktar ċentrali tal-Knisja. Minn dawn il-ġrajjiet tal-Ġublew tal-1500 twieldet id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu kull nhar t’Erbgħa, liema devozzjoni waslet ukoll fi xtutna u għada ħajja sallum. Fl-1875, fuq talba tal-Vigarju Ġenerali tal-Ordni, P. Anġlu Savini, il-Kapitlu Vatikan ppubblika d-digriet tal-inkurunazzjoni ta’ din ix-xbieha mirakuluża, liema

inkurunazzjoni seħħet nhar il-11 ta’ Lulju 1875. Nhar it-18 ta’ Diċembru 1917 il-Papa Benedittu XV għolla s-Santwarju għaddinjità ta’ Bażilka u fl-1964, l-Arċisqof ta’ Napli waqqafha wkoll bħala parroċċa. F’Napli, il-festi talKarmnu jibdew flaħħar Ħadd ta’ Mejju, Ix-xbieha għażiża talb’purċissjoni b’kopja Madonna “La Bruna” tax-xbieha inkurunata. meqjuma f’Il Carmine Wara dan, kull nhar ta’ Maggiore ta’ Napli, Italja. Erbgħa, bejn l-aħħar ta’ Mejju u l-festa tal-Karmnu, l-isqfijiet ta’ dan ir-Reġjun fl-Italja, imexxu l-quddiesa tal-10 ta’ filgħodu fis-Santwarju. In-novena issir bejn is-6 u l-14 ta’ Lulju, waqt li nhar il-15 ta’ Lulju, tul innofstanhar ta’ filgħodu, il-poplu jkun jista’ jqim ixxbieha mirakuluża iktar mill-qrib permezz ta’ taraġ armat apposta. Wara ċ-ċelebrazzjoni solenni talEwwel Għasar isir fost l-oħrajn wirja ta’ nar tal-art popolari ħafna fost in-Naplitani. Nhar is-16 ta’ Lulju, il-Bażilika tiftaħ fil-5.30am għall-quddies u l-qrar. Fis-7.30pm imbagħad issir il-quddiesa Solenni mmexxija mill-Arċisqof ta’ Napli. It-tieni kunvent li xtaqt insemmi huwa dak ta’ Recife fil-Brażil. L-ewwel Karmelitani waslu fil-Brażil fl-1580, u waslu fil-belt ta’ Recife fil-1667. Ġa minn dan iżżmien ixxettlet qalb in-nies tal-post id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu. Ix-xogħol fuq il-kunvent u l-knisja preżenti nbdew fl-1685 u ntemmu fl(Ikompli f'paġna 7)

Lulju - Settembru 2021

5

TAGĦLIM TAL-PAPIET

It-Teknoloġija fil-qafas tal-Enċiklika Laudato Si’ minn Godwin Darmanin, TOK

Mingħajr ebda dubju, illum qed ngħixu f’dinja fejn it-teknoloġija avvanzata saret mifruxa sal-punt li ħafna minna, anke dawk li għandhom ċerta età u li għalhekk twieldu f’soċjetà anqas teknoloġika, iħossu l-bżonn, b’mod konxju jew bla ma jindunaw, li ma jistgħux jgħaddu mingħajr l-użu ta’ dawk l-għodod li l-umanità ħolqot permezz ta’ din l-istess teknoloġija. Wieħed jista’ forsi f’dan il-punt jistaqsi: X’hemm jorbot bejn it-teknoloġija u l-Laudato Si’? Mela l-enċiklika ma tiddiskutix biss l-ambjent? Imma rridu niftakru li kemm it-teknoloġija kif ukoll l-ambjent huma marbuta ma’ xulxin, u fil-fatt, f’kapitlu 3, il-Papa Franġisku jiddikjara li “l-umanità daħlet fi żmien ġdid li fih il-qawwa tat-teknoloġija tqegħidna f’salib it-toroq”. Ta’ min wieħed jiċċara li l-istess Franġisku m’għandu xejn kontra t-teknoloġija sakemm din tkun użata tajjeb, u fil-fatt jikteb li hu “tajjeb li nifirħu b’dan ix-xorta ta’ progress”. Tabilħaqq, il-Papa jfakkarna li “x-xjenza u t-teknoloġija huma prodott mill-isbaħ tal-kreattività umana li hi don ta’ Alla”. Dan huwa punt li jistħoqqlu riflessjoni profonda għaliex minkejja li Alla ma taniex magni sabiex b’mod dirett jagħmel il-ħajja tagħna iktar komda, huwa ċertament sawwab fina dik il-kreattività fundamentali li tippermetti lil uħud minna li jivvintaw, u lil oħrajn li jipproduċu dak li ħaddieħor ikun ivvinta b’tant għaqal. Għalhekk, f’dan il-kuntest nistgħu faċilment nindunaw kif anke t-teknoloġija tippromovi fl-umanità sens profond ta’ kollaborazzjoni pożittiva. Apparti dan, il-Papa jirrikonoxxi wkoll il-fatt li “t-teknoloġija sabet rimedju għal ħafna ħażen li kien qed iħarbat u jillimita lill-bniedem”. F’dan ilkuntest huwa jagħraf b’mod partikolari l-progress li sar fil-kamp mediku, u f’dan ir-rigward nistgħu

6

Lulju - Settembru 2021

pereżempju, infakkru lilna nfusna li mingħajr itteknoloġija, l-ebda waħda mill-vaċċini kontra l-virus tal-Covid 19 ma kienet issir disponibbli f’perjodu daqshekk qasir. Madankollu, Franġisku jżid ifakkarna li anke f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu tat-teknoloġija, mhux dak kollu li jleqq huwa deheb. Fil-fatt, huwa juri t-tħassib tiegħu partikolarment f’dak li jirrigwarda l-“poter kbir” li l-istess teknoloġija kapaċi tagħti lil dawk li lesti jisfruttawha b’mod ħażin. F’dil-ħaġa l-Papa huwa ċar ħafna u fuq din “is-setgħa tal-għaġeb” itenni li “qatt il-bniedem ma kellu daqshekk saħħa fuqu nnifsu u m’hemm xejn li jiżgurana li sa jużaha għall-ġid”! Forsi xi wħud minna jħossuhom sorpriżi b’dikjarazzjoni bħal din. Imma l-Papa nnifsu jagħtina eżempji elokwenti ta’ dan, bħal ngħidu aħna l-bombi atomiċi użati fis-seklu għoxrin u li qatlu miljuni ta’ nies. Fuq dan irrid ukoll infakkar fil-ħsara ambjentali li ħallew l-istess bombi atomiċi u li ċertament affettwaw l-ambjent naturali ta’ numru ta’ pajjiżi, fosthom, imma mhux biss, tal-Ġappun. Kif diġà aċċennajt qabel, il-Papa jħares lejn itteknoloġija, jew biex inkun aktar preċiż lejn l-użu tagħha, fl-isfond tal-poter, u f’dan ir-rigward jikkwota lil Romano Guardini u jtenni li “l-fatt hu li l-bniedem modern ma ġiex edukat għall-użu tajjeb tal-poter, għax it-tkabbir immens tat-teknoloġija ma kienx imsieħeb minn żvilupp tal-bniedem fejn jidħlu r-responsabbiltà, il-valuri u l-kuxjenza”. Fil-fatt, filwaqt li ħafna minna b’mod pjuttost inġenwu jħarsu lejn it-teknoloġija bħala mezz li qed tipprovdilna biss ħajja komda u divertenti, ir-realtà moħbija turi li kontinwament qed jinħoloq abbiss profond bejn il-poter maħluq għal ftit, u ċerti valuri li kienu minquxa fil-kuxjenza tal-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna. U biex nispjega dan b’mod elokwenti nista’ nagħti

TAGĦLIM TAL-PAPIET

eżempju ċar li jikkonċerna l-ambjent naturali hawn Malta. Xi snin ilu, kont ninsab Għawdex, f’restorant ix-Xlendi, u fuq il-mejda ta’ ħdejja kien hemm erba’ persuni li l-apparenza tagħhom tatni x’nifhem li kienu midħla sew tan-negozju. F’ħin minnhom waqt li kont qed nammira l-irdumijiet maestużi fuq in-naħa l-oħra talbajja, wieħed minn dawk tal-mejda l-oħra u li wkoll bħali kien qiegħed iħares lejn l-istess irdumijiet, qal lill-kollegi tiegħu: “Jien ċert li f’inqas minn 20 sena oħra ser ikollna makkinarju tant avvanzat li bih inkunu nistgħu naqtgħu dak il-blat faċilment u b’hekk nibnu d-dawra kollha bil-lukandi u bl-appartamenti!” Kliemu kien verament ħasadni, għax f’għajnejh innutajt ċertu sens ta’ sodisfazzjon li wassalni biex

(Jaqbad minn paġna 5) 1767. Tul is-seklu 19, l-ordnijiet reliġjużi fil-Brażil sfaw vittma ta’ liġijiet li fittxew idgħajfu l-preżenza tar-reliġjużi fil-pajjiż. Sal-1890 kien għad fadal biss tmien reliġjużi Karmelitani fil-pajjiż kollu. Fil-1888 kien sar l-ewwel tentattiv ta’ restawrazzjoni: żewġ reliġjużi Karmelitani mill-Provinċja tagħna ta’ Malta, P. Anġlu Mallia u P. Indri Montebello, flimkien ma’ reliġjuż Irlandiż, fuq talba tal-Ġeneral tal-Ordni, marru Recife biex jerġgħu jibdew il-preżenza filkunvent, iżda meta waslu sabu li dan ma kienx possibbli minħabba li fil-kunvent kienu joqogħdu xi familji. Kienu mbagħad reliġjużi minn Spanja li fl-1894 reġgħu taw spinta lill-preżenza Karmelitana f’dan ir-reġjun tal-Brażil. Kien matul dan iż-żmien ta’ prova għall-patrijiet li l-festa tal-Madonna kompliet tikber sew fost il-poplu tal-post. Nhar il-25 ta’ Novembru 1908, il-Papa San Piju X pproklama lill-Madonna tal-Karmnu bħala Kopatruna tal-belt, liema proklamazzjoni ġiet imnedija fil-belt ta’ Recife s-sena ta’ wara. Kien il-Papa Benedittu XV li kkonċeda l-inkurunazzjoni kanonika tal-Madonna talKarmnu, liema inkurunazzjoni seħħet nhar il-21 ta’ Settembru 1919. L-istess papa għolla l-knisja għallġieħ ta’ Bażilika nhar is-16 ta’ Lulju 1922. Hawnhekk ukoll, bi preparazzjoni għall-festa ssir

nirrealizza, li hu ma kienx qed jinkwieta li l-poter tiegħu kien se jibdel kompletament dik il-bajja hekk pittoreska u sabiħa b’mod negattiv, anke f’dak li jikkonċerna lil ħaddieħor. Huwa kien essenzjalment irnexxielu jmewwet il-kuxjenza tiegħu bil-qligħ finanzjarju li eventwalment kienet ser iġġiblu t-teknoloġija! Dwar l-użu tat-teknoloġija, fil-Laudato Si’ hemm ħafna iktar punti minn dawk ippreżentati f’dan l-artiklu u l-intenzjoni tiegħi ċertament ma kinitx dik li nippreżenta interpretazzjoni skoraġġanti talenċiklika. Fil-fatt nixtieq nikkonkludi billi nistieden lil kulħadd jaqra bir-reqqa t-tielet kapitlu u biex speċjalment nirriflettu fuq il-parti fejn Franġisku jiddikjara b’mod kategoriku li “ħadd ma jrid jerġa’ lura lejn Żmien il-Ħaġar, imma hemm bżonn kbir li nnaqqsu ftit mill-pass mgħaġġel tagħna biex inkunu nistgħu nħarsu lejn ir-realtà ta’ madwarna b’mod ieħor, naraw x’inhu l-iżvilupp pożittiv u sostenibbli, u fl-istess ħin nirkupraw il-valuri u l-għanijiet għoljin li sfaw meqruda mill-għaġla sfrenata”. in-novena. Madankollu, il-qalba tal-festa hija l-purċissjoni u wara l-quddiesa li ssir fil-fetħa ta’ quddiem il-Bażilika, isiru ċelebrazzjonijiet li jiġbdu lejhom eluf ta’ persuni. Fiż-żewġ ċirkostanzi li rajna, sew f’Napli kif ukoll f’Recife, Marija hija sinjal ċar li takkumpanjana fid-diffikultajiet kollha tagħna. Hija dejjem takkumpanja, anki meta naħsbu li kollox spiċċa u ġie fi tmiemu. Dan narawh b’mod ċar kemm fil-każ ta’ Napli kif ukoll ta’ Recife. Dan kollu jfakkarna li bosta drabi fil-ħajja tal-familja reliġjuża tagħna Marija hija sinjal ta’ tama fid-dlam u fin-niket, hekk kif id-dielja li kienet tidher li ġiet fix-xejn, bl-interċessjoni tagħha terġa’ tħaddar b’ħajja ġdida, u tagħti nbid ġdid. Hija hi l-Patruna tad-dielja, hija hi s-Sinjura tal-post, u lilna li tatna sehem minn dak li hu tagħha ssejħilna sabiex bħal Elija missierna, qalb l-inxif nistennew is-sinjal tas-sħaba ċkejkna, u timlielna qalbna bilkuraġġ sabiex meta turina hi, nerġgħu Il-kunvent u l-knisja flimkien magħha, Ommna u Oħtna, nibnu tal-Karmelitani f’Recife, mill-ġdid. il-Brażil.

Lulju - Settembru 2021

7

NILTAQGĦU MA’ ...

P. Joseph Falzon, O.Carm. minn Joseph Rapinett

Illum se niltaqgħu ma’ P. Joseph, li bħalissa qiegħed jagħti s-servizz tiegħu bħala Pirjol filknisja parrokkjali ta’ Santa Venera. Jien ili nafu sa minn meta kien ġie bħala kappillan fil-knisja l-qadima ta’ Santa Venera lejn l-aħħar tas-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor. Minn dak li qalli jidher ċar li P. Joseph minn dejjem kellu, u għad għandu, għal qalbu l-ħidma pastorali fost il-parruċċani u dawk kollha li jiltaqa’ magħhom. P. Joseph grazzi li għoġbok tilqagħni għal din l-intervista. Tista’ tgħidilna x’memorji għandek ta’ tfulitek u tal-familja tiegħek qabel dħalt fl-Ordni Karmelitan? Jiena twelidt il-Ħamrun fit-12 ta’ Ottubru 1944 u ġejt mgħammed fil-Parroċċa ta’ San Gejtanu, proprju fil-parroċċa fejn kien iservi l-qaddis Malti San Ġorġ Preca. Missieri kien jismu Lawrence u ommi Francesca, xebba Portelli, it-tnejn mirraħal tal-Qala, Għawdex. Missieri kien jaħdem fis-Seminarju ta’ Għawdex u wara li żżewġu, fuq parir ta’ Mons. Mikiel Gonzi, li dak iż-żmien kien Isqof ta’ Għawdex, ġew joqogħdu l-Ħamrun. Mons. Gonzi sadanittant kien ġie maħtur Isqof ta’ Malta u kien sab impieg lil missieri. Min-naħa tal-ġenituri tiegħi għandna diversi saċerdoti u reliġjużi li jagħmlu parti mill-familja tagħna. Aħna konna tmien aħwa imma żewġ subien mietu fi żmien il-gwerra, it-tnejn kienu msemmijin għal San Ġużepp, bħali, peress li l-ġenituri kellhom devozzjoni kbira lejh. Minn dejjem konna u għadna familja magħquda. X’kien dak li ħajrek tidħol fl-Ordni Karmelitan u kif laqgħet din id-deċiżjoni l-familja tiegħek? Jien kont abbati fil-parroċċa ta’ San Gejtanu u kelli x-xorti ngħin għal żmien twil lil Dun Ġorġ

8

Lulju - Settembru 2021

Preca anke meta kien imur iqarben lil ħuh li kien joqgħod faċċata tal-knisja. Niftakar li wara konna nsibu n-nies jistennewh biex ikellmuh. Meta kont dieħel is-seminarju minuri, lil Dun Ġorġ staqsejtu: “Tgħid għad insir saċerdot?” Niftakar li hu poġġa jdejh fuq rasi u qalli: “Int issir kemm-il darba ma’ tagħmilhiex ma’ tfal sfrattati.” Fis-snin tasSeminarju kont inħobb immur ngħum il-Balluta, quddiem il-kunvent tal-Karmelitani, u hemm iltqajt ma’ P. Dijonisju Attard, mix-Xewkija Għawdex, u ħajjarni nkompli nistudja fil-Mt Carmel College. Kien introduċieni mal-Provinċjal ta’ dak iż-żmien, P. Elija Caruana, u min hemm bdiet it-triq tiegħi mal-Karmelitani. Il-familja kollha laqgħu bil-ferħ iddeċiżjoni tiegħi li nidħol Karmelitan. Fejn ħadt l-edukazzjoni tiegħek u l-formazzjoni reliġjuża u saċerdotali tiegħek? Meta fl-1955 spiċċajt l-iskola primarja, dħalt isSeminarju Minuri fi żmien ir-Rettur Mons. Victor Grech. F’Ottubru 1961, flimkien ma’ oħrajn, ħadt il-libsa Karmelitana u bdejt in-Novizzjat filkunvent tal-Imdina taħt il-Pirjol ta’ dak iż-żmien, P. Vinċenz Pavia. Bħala surmast tan-novizzi kellna lil P. Beneditt Caruana, bniedem umli u spiritwali. Fis-6 ta’ Ottubru 1963, fil-knisja tal-Karmnu talImdina, għamilt il-Professjoni Sempliċi u mort fil-kunvent tal-Balluta, fil-Kulleġġ San Ċirillu, fejn għamilt il-kors tal-Filosofija. Fit-23 ta’ Ottubru 1966 għamilt il-Professjoni Solenni fil-knisja parrokkjali Immakulata Kunċizzjoni l-Ħamrun, u komplejt bil-kors tat-Teoloġija fl-INSERM. Kien l-isbaħ żmien ta’ ħajti, f’dik li hija formazzjoni, f’komunità numeruża ta’ patrijiet li tawna xhieda verament Karmelitana. Fl-20 ta’ Diċembru 1969, flimkien ma’ P. Ġorġ Cassar, ġejt Ordnat Saċerdot fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann mill-Arċisqof Mikiel Gonzi.

NILTAQGĦU MA’ ...

P. Joseph Falzon qiegħed iqaddes fil-kappella tad-dar ta’ Dun Ġorġ Preca. Fuq ix-xellug tidher Nelly Bartolo filwaqt li fuq il-lemin Mons. Charles J. Scicluna meta kien għadu seminarista. Il-kappella tal-Ewkaristija tal-parroċċa Madonna tal-Karmnu, Balluta.

Sena u nofs ilu ċċelebrajt il-ġublew taddeheb mill-ordinazzjoni saċerdotali tiegħek. Matul dawn is-snin f’liema kunventi kont tagħti s-servizz tiegħek u x’karigi kellek filProvinċja? Wara l-ordinazzjoni bqajt il-Balluta. Kont ekonomu, prokuratur tal-festa, impenjat fl-għaqdiet u fiċċentru parrokkjali. Bqajt hemm sakemm il-Balluta saret parroċċa fis-16 ta’ Ġunju 1974. F’dak iż-żmien Mons. Philip Calleja kien ħatarni Chaplain tal-Kummissjoni Emigranti u l-Gvern Malti ħatarni Welfare Office fuq il-vapur Marconi, biex nakkumpanja 250 ruħ li kienu sejrin jgħixu u jibnu futur fl-Awstralja. Wara kważi sena flAwstralja, ġejt lura Malta u l-Provinċjal sejjaħli biex immur kappillan fil-parroċċa ta’ Santa Venera. Hawn għamilt disa’ snin bħala kappillan u kont anke president tal-Kumitat Festi Esterni. P. Franġisk Grech, li kien kappillan qabli, kien qalli: “Aħdem ħafna għall-festa għax hi għal qalb ilVendriżi.” Kemm domt f’Santa Venera sibt ħafna għajnuna, kemm mill-komunità, li bħala pirjol kellna lil P. Pier Tumas Gatt, u anke mil-lajċi. Għal disa’ snin sħaħ, fl-anniversarju tal-mewt ta’ San Ġorġ Preca, kont immur inqaddes fil-kappella tad-dar fejn għex l-aħħar snin ta’ ħajtu, f’Santa Venera, u fejn miet fis-26 ta’ Lulju 1962. Nelly Bartolo, li kienet tieħu ħsiebu, kienet tlestili kollox għall-quddiesa, sal-pjaneta u l-kalċi personali li kien juża hu. Niftakar li darba kelli jgħinni fil-

quddiesa lis-seminarista Charles Scicluna, li llum huwa l-Arċisqof ta’ Malta. F’dawn iċ-cirkustanzi kont dejjem niftakar fil-profezija li għamilli Dun Ġorġ meta kelli 12-il sena. Wara dan il-perjodu rġajt sibt ruħi l-Balluta. F’Ottubru 1995 il-Provinċjal, P. Robert Farrugia, ħatarni kappillan tal-Balluta. Hawnhekk kelli ħafna għal qalbi l-għaqdiet, fosthom l-Azzjoni Kattolika u l-Leġjun ta’ Marija. Fil-Balluta, fuq ix-xewqa tal-Papa San Ġwanni Pawlu II u bl-approvazzjoni tal-komunità, biddilt iċ-ċentru taż-żgħażagħ li kien jieħu ħsiebu P. Victor Enriquez, f’kappella tal-Ewkaristija għal matul il-jum. Din il-kappella ntlaqgħet tajjeb ħafna min-nies u biha baqgħet tintwera l-providenza u l-barka t’Alla. Wara 11-il sena rġajt ġejt mibgħut fil-kunvent talknisja l-antika ta’ Santa Venera fejn, għal diversi snin, kull xahar, tajt servizz pastorali fil-Bank Ċentrali ta’ Malta, flimkien ma’ konferenzi u xogħol fl-għaqdiet. Fl-2016 inħtart pirjol tal-komunità tal-knisja parrokkjali, fejn, minbarra l-ħidma pastorali, flimkien mal-kappillan P. Maurice Abela u P. Samuel Abela, irnexxielna nwettqu tliet proġetti kbar fil-knisja: ir-restawr u l-induratura tal-vara ta’ Santa Venera, sistema ġdida ta’ sound fil-knisja, u fl-24 ta’ April ta’ din is-sena, tbierket in-niċċa l-ġdida tal-vara titular. Nittamaw li sal-aħħar tassena nkunu anke ħallasna d-dejn kollu tal-knisja. Ta’ dan kollu ma jonqosx li ngħidu grazzi lillbenefatturi u lill-Vendriżi kollha.

Liema prattika spiritwali tal-ħajja Karmelitana tirrakkomanda lill-qarrejja? Jien dejjem nirrakkomanda li nkunu nies ta’ talb u meditazzjoni permezz tal-Lectio Divina, biex inkunu dejjem aktar midħla tal-Kelma ta’ Alla, flimkien mas-Sagrifiċċju tal-Ewkaristija. San Filippu Neri kien jgħid li “il-quddiesa hija l-bank tal-Knisja mqaddsa fejn minnu jitħallsu d-djun u jinqalgħu l-grazzi mingħand Alla.”

X’parir tagħti lin-Nisrani li qed jgħix fid-dinja tal-lum? Filwaqt li rridu nitħabtu biex ngħixu f’dinja sekularizzata, infittxu li nkunu, bl-għajnuna ta’ Ommna Marija tal-Karmelu, xhieda ta’ ħajja spiritwali Karmelitana. Mill-esperjenza tiegħi llum nifhem li Alla għandu storja xi jwettaq, permezz tagħna, fil-vokazzjoni li jsejħilna għaliha. Nistieden u nħeġġeġ dejjem aktar biex nitolbu lill-Mulej għal aktar vokazzjonijiet fl-Ordni Karmelitan biex inkomplu l-ħidma tagħna.

Lulju - Settembru 2021

9

SPIRITWALITÀ

S. M. Maddalena de’ Pazzi Kontemplazzjoni Marjana

minn Glen Attard, O.Carm.

Aspett spiritwali ieħor għal qalb Maddalena de’ Pazzi huwa l-Verġni Marija, partikolarment l-għaqda tagħha li ma tintemm qatt ma’ Binha Ġesù. Ir-relazzjoni tal-qaddisa mal-Verġni Marija jiddeskrivuhielna s-sorijiet tal-istess monasteru f’immaġini mill-isbaħ meta darba raw lill-qaddisa mitlufa f’estasi tirċievi l-libsa Karmelitana mingħand il-Verġni Marija filwaqt li ttennilha, “Ħa jkunu mħażżmin ġenbejja” (Prob. 120). L-azzjoni li tilbes il-libsa ta’ Marija hija immaġini għażiża ħafna għall-Ordni Karmelitan għaliex toħodna lura għall-viżjoni tal-Pirjol Ġenerali Ingliż San Xmun Stock fis-seklu tlettax. Hekk kif il-Verġni Marija tatu l-labtu (tagħha) wegħditu l-protezzjoni materna tagħha fuq l-Ordni. L-ilbies tal-labtu jew tal-libsa ta’ Marija għandu jfisser, aktar milli d-drapp fih innifsu, l-ilbies tal-istess valuri materni tagħha, li minnhom Maddalena de’ Pazzi xorbot l-aktar: l-intimità ma’ Ġesù u l-għajxien ta’ ħajjitha f’kull mument tagħha f’għaqda miegħu; il-ħarsien tal-fidi li hija għexet taħt il-mant ta’ Marija li titlob għalina quddiem il-Missier; is-safa tal-ġisem, tal-moħħ, u tal-qalb; u l-ħarsien talkomunità tal-fidili Nsara. F’waħda mill-meditazzjonijiet tagħha, hi u titkellem tgħajjat, is-sorijiet jgħidulna li semgħu lill-qaddisa tistaqsi kif sejra r-ruħ tfittex lil Alla u b’liema mezzi? Il-qaddisa hija ċara fit-tweġibiet tagħha: il-faqar, l-imħabba, l-Ewkaristija, issolitudni, u l-Verġni Marija li “twassalna mhux ġo xi tinda [i.e. santwarju magħmul b’idejn ilbniedem: Lhud 9:24] imma għall-għaqda intima m’Alla” (34 Coll. 355). Marija twassalna għal din l-għaqda għaliex hija stess kienet magħquda intimament miegħu. Darba waħda l-qaddisa tgħidilna li bħal ħasset lil Santu Wistin, li hi kienet tqisu bħalha missierha fil-fidi, jiktbilha fuq qalbha,

10

Lulju - Settembru 2021

sewwasew lejlet il-festa tal-Lunzjata 1585, ilkelmiet L-Iben t’Alla sar bniedem. Ftit ġimgħat wara, fil-15 t’April, sewwasew fil-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa, ħassitu jiktbilha l-kelmiet Id-demm tal-unjoni, wara li mbagħad ħasset ukoll li rċeviet il-pjagi ta’ Ġesù Kurċifiss hekk li twaħħdet bis-sħiħ mad-dulur tal-passjoni. Aktar tard, fit-28 t’April, lejlet il-festa ta’ Santa Katerina ta’ Siena, li lejha kellha devozzjoni kbira, il-qaddisa terġa’ tħoss lil Santu Wistin inaqqxilha fuq qalbha l-kelmiet Is-safa għaqdet lill-Verb ma’ Marija, l-Għarus mal-Għarusa. Il-qaddisa tieħu fuqha s-sentimenti ta’ Marija, il-viċinanza tagħha lejn Ġesù, u tħoss ruħha miexja pass pass ma’ Marija matul il-ħajja ta’ Ġesù, fil-preżenza wkoll taż-żewġ qaddisin preferiti tagħha, sakemm fl-aħħar Ġesù jagħtiha ċ-ċurkett taż-żwieġ. Il-qaddisa tiddeskrivi dan il-mument hekk: “Ħa nara l-Verb fija u jiena fih; ħa jkun imsallab fija u jiena fih, bħalma qal l-Appostlu għażiż Pawlu, ‘Mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu Kurċifiss’ (Gal 2:20).” Hekk kif Marija baqgħet wieqfa taħt is-salib ta’ Binha, hekk ukoll il-qaddisa trid tibqa’ miegħu, li tiġbed l-erwieħ lejh u turihom kemm ħabbhom meta ta lilu nnifsu għalihom u li ma jistħoqqlux ġieħ ogħla milli huma jagħmlu l-istess għalih. “Ma rridx ngħin lill-erwieħ biss bit-talb, iżda wkoll bil-kliem u l-għemil tiegħi, u li nagħti ħajti għalihom kif għamel il-Verb” (ara 39 Coll. 16-21). Mhux biss, bħal Marija, il-qaddisa trid timxi ma’ Ġesù, imma wkoll timita l-fidi tagħha fih. F’kull mument, tgħidilna l-qaddisa, Marija kienet tfaħħar lil Alla. Faħħret lil Alla fl-inkarnazzjoni tal-Verb meta tbaxxiet umilment quddiemU bħala s-Sid tagħha. Faħħret lil Alla fil-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju meta qimitU bħala Missier. Faħħret lil Alla fil-passjoni ta’ binha Ġesù meta baqgħet

SPIRITWALITÀ

l-kariżma Karmelitana, u fidila lejH sal-aħħar, mill-banda l-oħra l-faqar kif tagħmel għarusa li tant jikkaratterizza mal-għarus tagħha, l-kariżma Franġiskana. waqt li kulħadd kien “Noffrihomlok kemm abbandunah. Faħħret waħda u kemm l-oħra lil Alla fil-qawmien ta’ għaliex imorru t-tnejn Ġesù meta stennietu flimkien […] Nitolbok bl-imħabba u bil-ferħ biex tgħinhom [lista’ omm. Fl-aħħar sorijiet li jgħixu ż-żewġ nett, faħħret lil Alla kariżmi] jipperseveraw fil-miġja tal-Ispirtu fis-safa, fis-sempliċità, s-Santu fuqha u u fl-osservanza fuq l-Appostli meta qaddisa. Nitolbok, stennietu bħala o Verb, speċjalment s-Salvatur (ara 7 għal dawk li huma Qua. 107). Fi kliem taħt il-mant ta’ Marija; ieħor, Marija niżlet nitolbok għal dawk l-għeruq tar-relazzjoni [in-novizzi] li afdajtli tagħha ma’ Alla fil-fidi, f’idi: agħtihom id-dawl. mhux fidi li tinbena Għal kulħadd, nitolbok fuq il-biża’, imma paċenzja tassew, u li fidi li minkejja kollox tagħtihom xrara midtibqa’ temmen fisdawl tiegħek sabiex sejħa li saritilha minMaria de Dominicis: “S. M. Maddalena de’ Pazzi jifhmu li mhux biss naħa ta’ Alla għaliex mitlufa f’estasi tirċievi l-libsa Karmelitana mingħand sejjaħtilhom iżda wkoll tinbena fuq l-imħabba il-Verġni Marija”. Kunvent tal-Karmnu, Valletta. għażilthom biex jiġbdu … dik l-imħabba vera l-erwieħ lejk” (43 Coll. li kollox tissaporti għal 100). Is-safa mela, fl-essenza tagħha, hija ritorn dawk li tħobb. B’din il-fidi qawwija tagħha, illejn sempliċità qaddisa, fiduċja għamja, kollha qaddisa tistħajjel lil Ġesù jidher lil ommu Marija mħabba u paċenzja, f’Alla. Meta wieħed ifittex li wara l-qawmien mill-imwiet preċiżament waqt jimita lil Marija, ma jistax jgħid: din il-parti ta’ li din kienet tfaħħru quddiem l-appostli li kienu ħajti noffrihielu lil Alla, imma din le. Is-safa taltilfu l-fidi fih (48 Coll. 364-365). Mela mhux biss qalb tfisser l-offerta tal-ħajja tagħna kollha kemm bil-grazzja li taha Alla, imma wkoll bil-ftuħ sħiħ hi, biex kollha kemm hi tiddawwal fil-fidi fih; u tagħha għalih u għall-Misteru tiegħu, li Marija l-ħsieb, il-kliem, u l-għemil kollu jsir safi grazzi stħaqqilha wkoll issir ommna li titlob għalina għal din l-offerta tal-qalb li tfittex li tħobb lilu fuq quddiem il-Missier. “It-trinità tal-ħolqien, li hija kollox u fuq kulħadd. Fil-fatt, lil Ġesù darb’oħra magħmula mill-parteċipazzjoni tagħna fit-Trinità tgħidlu: “Inti magħqud magħna, u għalhekk Qaddisa, l-imħabba tagħna lejha, u r-rieda l-Ispirtu tiegħek huwa tagħna, u l-ispirtu tagħna tagħna, għandha tkun taħt il-mant ta’ Marija. huwa tiegħek, u int tagħmel kollox għall-imħabba Hekk kif il-Missier u l-Iben ma jinfirdu qatt, hekk … fil-ġuf safi ta’ Marija, waqt li fittxet li tħarsek blukoll l-ulied mill-fehma, mir-rieda, mill-ħidma, u imħabba kollha, bħal qaltlek: F’idejk, Mulej, jien saħansitra mill-intenzjoni t’ommhom Marija” (8 nerħi ruħi” (7 Rev. 224). Rev. 273). Maddalena de’ Pazzi fittxet ukoll li tinkarna l-valuri ta’ Marija fis-safa tal-qalb tagħha. Is-safa tfisser l-umiltà̀, iċ-ċaħda tagħna nfusna, it-telqa f’idejn Alla u l-għarfien tax-xejn tagħna quddiem l-Aktar Għoli. F’waħda mill-meditazzjonijiet tagħha, hi u tgħinna nifhmu x’kienet timplika eżattament għaliha s-safa, narawha toffri lill-Verb mill-banda l-waħda s-safa tal-qalb li tant tikkaratterizza

Nagħlqu bil-kliem tal-qaddisa stess li tlissen f’festa marjana li kienet tant għal qalbha, it-tlugħ ta’ Marija fis-sema. Fil-15 t’Awwissu 1588, titolbu hekk lil Alla: “Ħa nieħdu fuqna [assumiamo] lil dik li ħadet fuqha lil Alla. Ħa nieħdu fuqna lil dik li ħadet fuqha l-miżerji kollha tagħna biex issaffina minnhom. Ħa nieħdu fuqna lil dik li ħadet fuqha wkoll il-virtujiet kollha” (Prob. 172). Lulju - Settembru 2021

11

NISA BIBLIĊI

Il-Muntanja Sinaj u Marija minn P. Ivan Scicluna, O.Carm.

Sa issa, f’din is-sensiela biblika-Marjana ħarisna lejn il-figura ta’ Sidtna Marija fid-dawl ta’ persunaġġi bibliċi nisa. Fit-Testment il-Qadim però, kif juruna l-Missirijiet u kittieba oħra tal-Knisja, barra persunaġġi nsibu wkoll realtajiet oħra li b’xi mod iħabbru minn qabel lil Marija, u jistgħu jgħinuna nagħrfu aħjar l-identità u l-missjoni tagħha bħala Omm Ġesù, bħala Omm Alla. Minn din il-ħarġa se naraw uħud minn dawn ix-xbihat l-oħra ta’ Marija li nsibu fit-Testment il-Qadim. Kif ħafna drabi għamilna s’issa, se nkomplu nibbażaw ir-riflessjoni tagħna fuq ir-riċerka tal-biblista u marjologu Taljan Aristide Serra. Fit-tradizzjoni Nisranija nsibu ħafna kittieba li jxebbhu ’l Marija ma’ muntanja b’mod ġenerali. Oħrajn iqabblu lil Marija ma’ muntanji speċifiċi. Fost dawn il-muntanji, bħala Karmelitani, ma nistgħux ma nsemmux dik tal-Karmel, fejn kellu l-bidu u mnejn ħa ismu l-Ordni Karmelitan. Fuq ir-rabta bejn l-Għolja tal-Karmel u Marija però nisperaw li jkollna ċans nitkellmu aktar ’il

quddiem. Din id-darba se nħarsu lejn Marija fiddawl ta’ muntanja oħra li għandha importanza kbira fil-Bibbja: il-Muntanja Sinaj. Diversi awturi Nsara jsejħu lil Marija “l-Muntanja Sinaj il-ġdida”. L-għeruq ta’ dan ix-xebh bejn is-Sinaj u Marija jinsabu fil-Ktieb tal-Eżodu, fejn insibu l-ġrajja l-aktar importanti u ċentrali fl-istorja tal-poplu l-magħżul ta’ Alla: il-ġrajja tal-Patt bejn Alla u Iżrael li seħħet sewwasew fis-Sinaj. Il-Patt huwa l-qalba tar-rivelazzjoni tar-Rabta l-Qadima. Biex nirrealizzaw kemm hi importanti s-Sinaj biżżejjed ngħidu li dak li s-Sinagoga tistqarr dwarha l-Knisja tgħidu għall-Għolja tal-Kalvarju, fejn Ġesù miet u rxoxta, u fejn allura sseħħ ilmilja tar-rivelazzjoni Nisranija, u jiġi ssiġillat il-Patt il-Ġdid. Aristide Serra jgħid li l-Ewwel Patt qisu “l-vanġelu tat-Testment il-Qadim”. Il-protagonisti tal-Patt tas-Sinaj huma ● Alla, ● Mosè,

Il-muntanja tradizzjonalment identifikata mas-Sinaj tal-Bibbja. Isfel jidher il-monasteru Ortodoss ta’ S. Katerina.

12

Lulju - Settembru 2021

NISA BIBLIĊI

● u l-poplu. Fis-Sinaj Alla jitkellem mal-poplu tiegħu permezz ta’ messaġġier: Mosè. Hemmhekk Alla juri lill-poplu l-ħsieb tiegħu li jintrabat miegħu b’rabta speċjali, b’“patt”, ibbażat fuq l-aċċettazzjoni tal-Liġi ta’ Alla min-naħa tal-poplu. Meta Mosè wera l-ħsieb ta’ Alla lill-Iżraelin huma wieġbu għalenija: “Kulma qal il-Mulej aħna nagħmluh” (Eż 19,8). B’dan il-kliem il-poplu aċċetta li jidħol f’patt ma’ Alla, u għalhekk Alla tah il-Liġi u daħal f’rabta miegħu. Minn dakinhar Alla sar l-Għarus ta’ Iżrael, u Iżrael l-Għarusa ta’ Alla. Mis-Sinaj issa ndawru l-ħarsa tagħna lejn il-belt ċkejkna ta’ Nazaret, id-dar fejn tradizzjonalment l-anġlu Gabrijel deher lil Marija. Nazaret, fejn jibda jissawwar il-Patt il-Ġdid. Ġdid mhux biss għax iseħħ Huwa ċar ix-xebh bejn it-tweġiba ta’ Marija lil wara l-ewwel wieħed, wara dak tas-Sinaj, imma wkoll għax jisbqu fil-kwalità. F’Nazaret jibda jseħħ Alla f’Nazaret, u l-formola li biha Iżrael jagħti l-kunsens tiegħu għall-Patt li Alla jipproponilu il-pjan ta’ Alla li kien ilu mistur sa minn dejjem. f’riġlejn is-Sinaj (Eż 19,8). Madanakollu huwa Biex ikun aktar qribna, u saħansitra “jissieħeb” f’Marija, Bint Iżrael, li Iżrael jilħaq il-milja talmagħna, Alla jsir bħalna billi jieħu l-umanità perfezzjoni tiegħu, għax Iżrael kiser kemm-il tagħna. Biex dan il-ħsieb iseħħ kien meħtieġ darba l-Patt tiegħu m’Alla, ma żammx il-kelma is-sehem ta’ mara, u l-mara magħżula għal din li ta lil Alla f’riġlejn il-Muntanja Sinaj, hekk li il-missjoni hi Marija ta’ Nazaret. Ix-xena tatTħabbira tal-Mulej permezz tal-anġlu lil Marija turi l-profeti jxebbhuh ma’ mart infidila. Min-naħa tagħha, Marija, kif jgħidilna l-Konċilju Vatikan II lil Alla jitlob minnha l-kunsens tagħha biex ikun fil-Kostituzzjoni Dommatika dwar il-Knisja Lumen jista’ jibda jseħħ il-Patt il-Ġdid, l-istess kif fisGentium, hija l-verġni li tħares sħiħa u safja Sinaj naraw lil Alla jitlob il-kunsens tal-poplu ta’ l-kelma li tat lill-Għarus tagħha, il-Mulej, u tħares Iżrael permezz ta’ Mosè biex iseħħ l-Ewwel Patt. verġinalment sħiħa l-fidi, qawwija t-tama, sinċiera l-karità (ara LG 64). Bħal fis-Sinaj, f’Nazaret għandna wkoll tliet protagonisti: ● Alla, ● l-anġlu Gabrijel, ● u Marija. Alla, mill-ġdid permezz ta’ messaġġier, din iddarba l-anġlu Gabrijel, juri lil Marija, bint il-poplu ta’ Iżrael, il-missjoni li kien se jafdalha f’idejha: li ssir Omm l-Iben divin tiegħu li fih kellu jiġi ssiġillat il-Patt il-Ġdid u ta’ dejjem bejn is-sema u l-art. Marija, bl-għajnuna tal-anġlu, tilqa’ l-istedina ta’ Alla b’dak il-kliem hekk magħruf tagħha li l-poplu Nisrani jtennih ta’ kuljum fittalba tal-Angelus: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej. Ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1,38). Għall-iva ta’ Marija “Iben l-Għoli” jsir bniedem fi ħdanha, u hekk isir ukoll “Iben Marija”.

Fil-ġrajja tat-Tħabbira tal-Mulej lil Marija, is-Sinaj u Nazaret jingħaqdu. Il-muntanja għolja fejn bdiet ir-Rabta l-Qadima issa ċċedi d-dritta lill-belt ċkejkna ta’ Nazaret, fejn tibda r-Rabta l-Ġdida ta’ Alla, issa magħmul bniedem qalb il-bnedmin filġuf ta’ omm. Aktar ’il quddiem il-Missirijiet u l-kittieba talKnisja jirriflettu fuq il-ġemellaġġ bejn is-Sinaj u Nazaret, milli jidher mhux biss billi jimmeditaw l-Iskrittura mqaddsa, imma wkoll fid-dawl tarriflessjoni spiritwali Lhudija dwar is-Sinaj meqjusa bħala “t-talamu” (is-sodda) taż-żwieġ li jgħaqqad lil Alla ma’ Iżrael, kif jekk Alla jrid, se naraw filħarġa li jmiss. Lulju - Settembru 2021

13

LECTIO DIVINA

3. “Issa naf li int bniedem ta’ Alla!” Il-profeta huwa strument li jwassal il-ħajja

minn P. Anthony Cilia, O.Carm.

Talba tal-bidu Mulej, ibgħat l-Ispirtu Qaddis tiegħek fuqi sabiex bil-għajnuna tiegħu nagħraf dik il-qawwa u dak l-ispirtu li bihom kien immexxi l-qaddej tiegħek il-profeta Elija, hekk li baqa’ fidil lejk sal-aħħar. Agħtini l-grazzja tiegħek ħalli nibqa’ miexi wara Ibnek Ġesù Kristu u ma nitbiegħed qatt minnu. Dawwalli qalbi u moħħi sabiex fid-dawl tal-Kelma tiegħek, nagħraf il-pjan li għandek għalija u bilkuraġġ kollu nagħmel dejjem ir-rieda tiegħek.

1. Il-Qari (Lectio) a) Daħla Fil-Lectio Divina ta’ qabel, ħallejna lil Elija fiddar tal-armla ta’ Sarefta, fejn għall-ospitalità, il-ġenerożità u l-fidi tagħha, il-profeta għamel li l-ftit dqiq u żejt li kien fadlilha qabel hi u binha jmutu, ma jispiċċawx sakemm il-Mulej jibgħat mill-ġdid ix-xita fuq l-art. b) Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten (17,1724) Wara dawn il-ġrajja marad it-tifel ta’ dik il-mara li kienet sidt id-dar. U ġara li l-marda tqawwiet tant li ma kienx baqagħlu iżjed nifs. U hi qalet lil Elija: “X’hemm bejni u bejnek, bniedem ta’ Alla? Jaqaw ġejt hawn biex tfakkarni fi ħżuniti u toqtolli ’l ibni?” U hu wieġeb: “Agħtini lil ibnek.” U ħadu minn ħoġorha, u tellgħu fl-għorfa fejn kien jgħammar hu, u meddu fuq il-mitraħ tiegħu. U sejjaħ lill-Mulej u qal: “Mulej, Alla tiegħi, fuq din l-armla wkoll, li qiegħed magħha, ridt iġġib ilħsara u toqtlilha lil binha?” U mtedd tliet darbiet fuq it-tifel, u sejjaħ lill-Mulej u qal: ‘Mulej, Alla tiegħi, ħalli ruħ it-tifel tarġa’ lura fih!’ U l-Mulej sama’ leħen Elija, u ruħ it-tifel reġgħet lura fih,

14

Lulju - Settembru 2021

u ħa l-ħajja. U Elija qabad it-tifel u niżżlu d-dar mill-għorfa, u tah lil ommu; u Elija qalilha: “Ara, ibnek ħaj.” U l-mara qalet lil Elija: “Issa naf li int bniedem ta’ Alla, u l-kelma tal-Mulej fuq fommok hi s-sewwa.”

2. Il-Meditazzjoni (Meditatio) a) Biex nifhem aħjar il-Kelma ta’ Alla Xi żmien wara l-laqgħa ta’ Elija mal-armla u l-miraklu tad-dqiq u ż-żejt, ġara li t-tifel talmara marad. Il-marda tqawwiet tant li ma kienx baqagħlu iżjed nifs. Dan il-vers ma tantx jagħtina ħjiel ta’ x’ġara eżatt, jekk it-tifel daħalx f’xi stat ta’ koma profonda jew inkella jekk mietx. B’danakollu, jagħtina x’nifhmu li dan it-tifel kien wasal fl-aħħar ta’ ħajtu għax ma kienx baqagħlu iżjed nifs. L-esperjenza tal-mard u tal-mewt li għaddiet minnha l-armla ta’ Sarefta, tfakkarna f’diversi ġrajjiet oħra li jinsabu fil-Kotba Mqaddsa. Waħda minnhom hija dik ta’ meta Ġesù qajjem lil bin l-armla ta’ Najn mill-mewt. L-Evanġelista Luqa jirrakkontalna li kif Ġesù wasal qrib il-bieb talbelt, kienu qegħdin iġorru wieħed mejjet li ommu, mara armla, ma kellhiex ħliefu; u magħha kien hemm għadd ġmielu ta’ nies mill-belt. Kif raha l-Mulej tħassarha. “Tibkix,” qalilha. Resaq, u mess it-tebut. Dawk li kienu qegħdin jerfgħuh waqfu. U hu qal: “Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum!” U l-mejjet qam bilqiegħda u beda jitkellem. U Ġesù tah lil ommu. (Lq 7,11-15). L-armla ta’ Sarefta tfakkarna wkoll fl-armla ta’ Nazaret, Marija, li hi wkoll kienet preżenti għallmewt ta’ binha Ġesù (Ġw 19,25-30). Quddiem il-ġisem bla ħajja tal-uniku iben li

LECTIO DIVINA

kellha, l-armla ta’ Sarefta rat l-aħħar tama li kien fadlilha tgħib fix-xejn. Fi żmienha, in-nisa ma kellhom l-ebda importanza. Mara armla, li ma kellhiex la raġel u lanqas iben li seta’ jaqbeż għaliha u jipprovdilha l-għejxien, għaliha kien ifisser tbatija kbira. Wara l-mewt ta’ żewġha, din l-armla qiegħdet it-tama tagħha f’binha. Imma issa, donnu li lanqas lil binha ma kien baqgħalha! Quddiem l-għawġ kollu tagħha, il-mara ma felħitx aktar, u filwaqt li minn naħa waħda bdiet twaħħal fiha nfisha – “Jaqaw ġejt hawn biex tfakkarni fi ħżuniti” – min-naħa l-oħra bdiet twaħħal filprofeta Elija, il-bniedem ta’ Alla. “Jaqaw ġejt hawn biex ... toqtolli ՚l ibni?” Hija tinterpreta l-mewt ta’ binha bil-mentalità ta’ żmienha, bħala kastig ta’ dnubietha (ara wkoll Ġw 9,13), imfakkrin ՚l Alla bil-preżenza tal-profeta Elija f’darha! Xi kultant il-mard u t-tbatija fit-tul, iwasslu l-paċenzja u r-rassenjazzjoni tagħna saxxifer, u nitħawdu. Ma nibqgħux nirraġunaw! Ġieli ninħakmu mis-sens tal-ħtija, ta’ xi ħaġa ħażina li nkunu għamilna aħna stess, ... jew inkella nibdew inwaħħlu f’xi ħadd ieħor! Għalina l-Insara, il-mard huwa mument ta’ prova kbira f’dak li għandu x’jaqsam mal-fidi tagħna. Għalhekk, nagħmlu tajjeb jekk f’okkażjonijiet bħal dawn, bl-umiltà kollha nkomplu nafdaw u nintelqu f’idejn Alla, għax hu biss jista’ jgħinna ngħaddu rebbieħa mid-deżert tat-tbatija, tal-

mard, tax-xjuħija u tal-mewt. Nistgħu nibqgħu ċerti, li quddiem il-każ talarmla ta’ Sarefta, Elija sab ruħu f’diffikultà kbira x’jaqbad jgħidilha sabiex isabbarha fil-hemm tagħha. Għax mhix ħaġa faċli li bil-kliem tfarraġ il-qalb mimlija mrar ta’ xi ħadd li qed iġarrab l-uġigħ tal-mard, aktar u aktar meta l-fidi tiċċajpar u ma jkunx jista’ jaċċetta l-qagħda talmard u tal-mewt. Elija ntebaħ li quddiem din it-traġedja, mhux il-waqt li joqgħod jargumenta jew jirraġuna mal-armla, dwar il-kawża tal-mewt ta’ binha, jekk kienx tort tagħha jew tiegħu. Ħafna drabi, f’mumenti bħal dawn, l-uniku faraġ li nistgħu nagħtu lil min ikun jinsab għaddej minn uġigħ jew niket kbir, huwa li nżommu s-skiet u nitolbu għalih. U Elija hekk għamel. Talab lill-armla tagħtih lil binha, ħadu minn ħoġorha, u tellgħu fl-għorfa fejn kien jgħammar hu, u meddu fuq il-mitraħ tiegħu. U sejjaħ lill-Mulej u qal: “Mulej, Alla tiegħi, fuq din l-armla wkoll, li qiegħed magħha, ridt iġġib il-ħsara u toqtlilha lil binha?” U filwaqt li miel fuqu għal tliet darbiet, talab: ‘Mulej, Alla tiegħi, ħalli ruħ it-tifel tarġa’ lura fih!’ U l-Mulej sama’ leħen Elija, u ruħ it-tifel reġgħet lura fih, u ħa l-ħajja. Din il-ġrajja tfakkarna wkoll fil-miraklu li għamel il-profeta Eliżew, id-dixxiplu ta’ Elija, meta qajjem mill-mewt lil bin il-mara Sunamija (2 Slat

Benjamin West. “IlProfeta Elija jqajjem iben l-armla” 1774, Philadelphia Museum of Art, Philadelphia. Lulju - Settembru 2021

15

LECTIO DIVINA

4,8-37), u fil-miraklu li għamel Pawlu ta’ Tarsu fl-aħħar żjara tiegħu fi Troas. Hemm, waqt li kien qiegħed jipprietka, żagħżugħ waqa’ minn tliet sulari għoli u miet. Imma Pawlu “tbaxxa fuqu, refgħu f’dirgħajh” u raddu lura lill-ġenituri tiegħu qawwi u sħiħ (Atti 20,7-12). Elija, ferħan li l-Mulej sema’ t-talba tiegħu, qabad it-tifel u niżżlu d-dar mill-għorfa, u tah lil ommu; u qalilha: “Ara, ibnek ħaj.” B’dan il-kliem, Elija stieden lill-armla sabiex tkun xhud mhux biss tal-għemil ta’ Alla (Ġw 9,3), imma wkoll sabiex juriha li kienet sejra żball meta ħasbet li binha miet bħala kastig ta’ dnubietha. Aktar qabel, fis-sempliċità tagħha, din l-armla kienet diġà għarfet li l-profeta Elija kien differenti mill-irġiel l-oħra u li kien “bniedem ta’ Alla” (ara vers 18). Imma, jekk qabel qaltlu hekk b’ċertu dubju, issa tagħtih iċ-ċertifikat tagħha u tistqarr bil-miftuħ l-integrità tiegħu bħala l-qaddej talveru Alla: “Issa naf li int bniedem ta’ Alla, u l-kelma tal-Mulej fuq fommok hi s-sewwa!” Permezz ta’ dan il-miraklu, il-profeta Elija juri li l-Mulej mhuwiex biss dak li minnu tiddependi x-xita (bl-abbundanza tal-frott tal-art li ġġib magħha), lanqas dak li jikkmanda liċ-ċawl talajru biex jaħsbulu għall-ikel jew dak li għallkelma tiegħu ż-żejt u d-dqiq jibqgħu jservu sakemm hemm bżonn, imma wkoll Alla li kapaċi jirbaħ fuq il-qawwa tal-mewt u jagħti il-ħajja! L-istqarrija tal-armla dwar il-profeta Elija tfakkarna fi profeta ta’ żminijiet oħra: f’Ġesù. Hu kien l-akbar profeta li qatt deher fid-dinja. Bħal Elija, hu wkoll qajjem il-mejtin għall-ħajja, u wassal lill-poplu l-kelma tal-Mulej. Imma ironikament, dawk li fi żmienu kienu msejħin biex bħal Elija jkunu “bnedmin ta’ Alla” – il-Fariżej, is-Sadduċej u l-għorrief tal-liġi – kienu dawk li għamlu l-kuntrarju ta’ dak li għamlet l-armla, u flok stqarrew il-fidi tagħhom f’Ġesù u faħħru ՚l Alla għall-għemejjel tiegħu, dendluh ma’ salib! b) Il-kelma ta’ Alla f’ħajti Issa li fhimt aħjar il-kelma ta’ Alla, erġa’ aqra s-silta biblika bil-mod il-mod u wara pprova wieġeb għall-mistoqsijiet li ġejjin. ● X’laqatni l-aktar f’din is-silta dwar il-profeta Elija? L-għaliex? ● Meta fil-ħajja tiegħi niltaqa’ ma’ sitwazzjonijiet diffiċli, kif inġib ruħi ma’ Alla?

16

Lulju - Settembru 2021

● X’idea għandi ta’ Alla? L-idea tiegħi taqbel ma’ kif jippreżentahielna Ġesù? ● Meta tlabt xi ħaġa lil Alla u qlajtha, kif ħassejtni? U meta ma qlajtx dak li tlabt, bqajt fidil lejn Alla? ● Jiena nitlob bil-fidi, bħal Elija, għall-fejqan ta’ dawk li huma morda? ● Kapaċi nagħraf it-tajjeb li jagħmlu miegħi u nirringrazzjahom? ● Nista’ ngħid li jien “bniedem ta’ Alla” bħalma kien Elija?

3. It-Talb (Oratio) Wara li qrajt u mmeditajt is-silta biblika, issa iftaħ qalbek ma’ Alla u għidlu dak li qed tħoss. Tista’ wkoll tagħlaq dan il-mument bis-Salm 4 jew 6,3-7.

4. Il-Kontemplazzjoni (Contemplatio) Matul il-jiem li ġejjin, kultant ħin, tkun fejn tkun, ftakar f’din is-silta, f’xi kelma jew frażi li laqtitek, u ħu gost aħseb fuqha. B’dan il-mod, filwaqt li tkun qed taqdi d-dmirijiet tal-vokazzjoni tiegħek fil-preżenza ta’ Alla, tkun qed iddawwal ħajtek u tgħix skont il-Kelma tiegħu. Frażijiet għall-kontemplazzjoni: “Agħtini lil ibnek.” Sejjaħ lill-Mulej. “Mulej, Alla tiegħi.” Il-Mulej sama’ leħen Elija. “Ara, ibnek ħaj.” “Issa naf li int bniedem ta’ Alla.” “Il-kelma tal-Mulej fuq fommok hi s-sewwa.”

Talb għall-Abbonati u l-Benefatturi Infakkru li f’kull tnejn tax-xahar, fil-knisja l-qadima ta’ Santa Venera, issir quddiesa għall-bżonnijiet tal-abbonati u l-benefatturi ħajjin u mejtin ta’ Il-Karmelu. Nieħdu gost li minn djarkom tingħaqdu magħna fit-talb tagħkom.

ANNIVERSARJI

L-Ewwel Ċentinarju tal-Leġjun ta’ Marija minn Doris Borg, LOM Segretarja tar-Regia ta’ Malta Fis-7 ta’ Settembru 2021, il-Leġjun ta’ Marija jagħlaq mitt sena mit-twaqqif uffiċjali tiegħu f’Dublin. Mitt sena ta’ mirakli, mitt sena ta’ grazzji. Mill-bidu umli tiegħu ta’ sbatax-il membru, illum jinsab f’mija u sebgħin pajjiż u għandu iktar minn erba’ miljun membru attiv (pre-Covid 19). Għalkemm ngħidu li uffiċjalment beda fis-7 ta’ Settembru 1921, meta wieħed jistudja l-istorja ta’ din l-Għaqda, isib li fil-verità l-Madonna kienet qiegħda tipprepara lil Frank Duff minn erba’ snin qabel. Kienet is-sena 1917, is-sena ta’ ħafna avvenimenti fl-istorja tad-dinja. F’Dublin, bil-ħafna problemi ta’ nuqqas ta’ djar, problemi ta’ nuqqas ta’ xogħol, faqar, sokor u prostituzzjoni, l-Għaqda ta’ San Vinċenz de Paul kienet qiegħda tgħin biex ittaffi xi ftit mit-tbatijiet li dawn il-problemi kienu qed joħolqu. Kien eżattament f’dan iż-żmien meta l-membri ta’ din l-Għaqda kienu qed jistudjaw it-Trattat tal-Beatu Alwiġi Marija Grignion de Montfort (dikjarat qaddis fis-7 ta’ Lulju 1947) dwar il-vera devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka. Iżda wieħed minnhom, is-Sur Frank Duff, ma niżillux tajjeb dak li kien kiteb de Montfort u kien jikkunsidrah bħala xi ħaġa esaġerata. Beda jaqra l-ktieb kemm-il darba, iżda wara ftit kien iwarrbu. Ċertu Tom Fellon, li wara mar missjunarju filMessiku, issikka lil Frank Duff biex jerġa’ jaqra dan il-ktieb b’aktar attenzjoni. Ftit wara huwa sab dan il-ktieb għand regettier u xtrah għal erba’ soldi, iżda xorta bdieh u ma kompliehx. Iż-żmien kien għaddej, il-ħsieb ta’ dan il-ktieb baqa’ jberren f’moħħu. Sakemm darba meta kien qed jakkumpanja lill-ħabib tiegħu Joseph Gabbet f’Mount Melleray biex jaqta’ l-vizzju tax-xorb, sellfuh il-ktieb: “The Knowledge of Mary” ta’ Fr. J. De Concilio. Dan il-ktieb tant għoġbu lil Frank

li beda jikkupjah fuq pitazz għax beża’ li meta jmur lura Dublin ma kienx se jsib jixtrih. Frank Duff jistqarr li huwa u jaqra l-ktieb, ġarrab żewġ affarijiet: li f’ħin minnhom huwa ħassu mdawwal mill-Ispirtu Qaddis biex jifhem it-Trattat ta’ de Montfort; u t-tieni, kemm ma kellux għarfien biżżejjed fuq il-Madonna. Nistgħu ngħidu li dan il-ktieb bidillu ħajtu kompletament. Meta mar lura f’Dublin seta’ jitkellem u jiżvolġi iktar dak li de Montfort kiteb fitTrattat tiegħu. Frank Duff, Hawnhekk il-fundatur tal-Leġjun ta' Marija il-grupp ta’ San Vinċenz li kien imexxi hu, talbuh jibdew jagħmlu xi ħidma spiritwali iktar milli filantropika. Sadanittant iżżmien kien għaddej. Kien għall-ħabta ta’ Awwissu 1921 meta dan il-grupp ftiehem li jiltaqa’ u jaraw kif jistgħu jgħinu b’xogħlijiet spiritwali. L-Ewwel Laqgħa saret fis-7 ta’ Settembru 1921 f’Myra House, North Brunswick Sreet, Dublin. Attendew għaliha madwar sbatax-il tfajla, Frank Duff u Fr. Toher. L-ewwel xogħol li daħlu għalih kien iżżjajjar fil-Union Hospital, fejn il-pazjenti kienu kollha nisa fqar. Dan kien sptar immexxi misLulju - Settembru 2021

17

ANNIVERSARJI

Sorijiet tal-Ħniena. Iżda l-ikbar xogħol li dawk l-ewwel membri tal-Leġjun ta’ Marija daħlu għalih wara għaxar xhur mill-ewwel laqgħa, sar f’Lulju 1922, fil-post magħruf għall-prostituzzjoni Bentley Place. F’dan il-post anke l-pulizija kienu jibżgħu jidħlu. Ix-xogħol mil-Leġjunarji sar fuq diversi xhur. It-tnejn u għoxrin tfajla li kien hemm jaħdmu, aċċettaw li jattendu rtir, u li jingħatalhom xogħol alternattiv u residenza oħra. Dawn ittfajliet tant baqgħu jirrispettaw lil Frank Duff li ħafna minnhom meta żżewġu talbuh ikun ixxhud tagħhom u meta kellhom it-tfal talbuh ikun wieħed millparrinijiet. Bl-għajnuna talVerġni Mbierka, bl-għaqal tad-Direttur Spiritwali Fr. Toher, ta’ Frank Duff u tal-kuraġġ ta’ dawk l-ewwel membri, dan il-post tnaddaf. Għal din ilbravura, il-Gvern Irlandiż baqa’ jafhulu lil Frank, tant li meta miet fis-7 ta’ Novembru 1981 tah funeral statali. M’hemmx bżonn ngħidu li għalLeġjun ta’ Marija, l-affarijiet mhux dejjem kienu ward u żgħar. Ħafna kienu dawk, fosthom anke xi saċerdoti, li ma ħadux pjaċir b’dan ix-xogħol ġdid ta’ appostolat mil-lajċi. Malta wkoll kellha x-xorti dduq mill-ġid li l-Leġjun ta’ Marija kien joffri. Hekk kif il-Providenza bagħtet lil San Pawl fostna, hekk ukoll ġara fil-każ ta’ din l-Għaqda. Kellhom ikunu Mother Eagan u Monica Walsh li ltaqgħu fuq l-istess vapur li millIngilterra kien qed isalpa lejn Malta. Saru ħbieb matul il-vjaġġ u fost affarijiet oħra dawn indunaw li kellhom ħaġa komuni tberren f’moħħhom: dik li jaraw kif jistgħu jibdew il-Leġjun ta’ Marija f’Malta. Dawn it-tnejn, bi sforzi perseveranti u b’rieda soda, bdew jaħdmu qatigħ qalb iżżgħażagħ tagħna. L-ewwel Leġjunarja Maltija kienet Mary Pitrè (li aktar tard iżżewġet lill-pittur Malti Antoine Inglott) li wriet ix-xewqa tagħha li tagħmel xi ħaġa għas-salvazzjoni tal-erwieħ. L-ewwel grupp f’Malta kien ta’ tlettax-il membru, bl-ewwel Direttur Spiritwali tiegħu Dun Karm Psaila, il-Poeta Nazzjonali. Is-sena kienet 1935. Iżda minkejja li l-Papa Piju XI kien diġà ta l-barka

18

Lulju - Settembru 2021

speċjali tiegħu u sejjaħ lilLeġjun ta’ Marija “opra sabiħa u qaddisa”, meta hawn Malta ntalbet l-approvazzjoni lillArċisqof Mauro Caruana, dan ma aċċettax. Kellhom jgħaddu tliet snin ta’ talb, perseveranza u sagrifiċċji, sakemm imbagħad inħareġ il-permess. It-twaqqif uffiċjali tal-Leġjun ta’ Marija f’Malta sar fil-21 ta’ Novembru 1939, xahar eżatt wara li faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija. Għall-bidu, il-laqgħat kienu jsiru fid-dar tas-Sinjorina Pitrè. Hekk kif ingħata l-permess bdew jinfetħu fergħat oħra. Fost l-ewwel fergħat insibu dak tar-Royal Irish Fusiliers. Minħabba l-gwerra, l-ewwel membri kellhom ifittxu kenn xi mkien ieħor. Il-Verġni Mbierka interċediet bil-kbir għaliex huma u l-familji tagħhom marru joqogħdu bħala refuġjati f’Ħ’Attard. Hawnhekk, meta tkellmu mal-kappillan, Dun Mikiel Balzan, mhux biss laqagħhom imma offra li jkun hu l-ewwel Direttur Spiritwali tagħhom. Peress li l-laqgħat kienu jsiru bl-Ingliż, hu offrielhom li jkellem lill-għalliema. Dawn kollha tista’ tgħid aċċettaw. B’hekk, f’Lulju 1940 beda l-Leġjun f’Ħ’Attard, u minn din il-parroċċa mexa għarRabat u fl-irħula l-oħra tal-madwar. Il-gwerra ma tellfitx miż-żelu ta’ dawk l-ewwel Leġjunarji milli jaħdmu u jifirxu l-Leġjun mal-kumplament ta’ Malta. Sal-1948 il-Leġjun ta’ Marija kellu tlieta u sittin fergħa. Il-Leġjun ta’ Marija f’Malta ngħata wkoll l-inkarigu biex jieħu ħsieb tal-Leġjun f’artijiet barranin. Dan l-inkarigu ngħata millFundatur innifsu, għaliex huwa kien jemmen li Malta għandha sservi ta’ pont mal-pajjiżi Afrikani. Fil-fatt Malta kienet qiegħda tieħu ħsieb il-Leġjun tal-Libja, tas-Sirja u tat-Turkija, flimkien ma’ dak tal-Albanija u tal-Greċja. Bħalissa, minħabba l-ġlied, il-kuntatti mal-ewwel żewġ pajjiżi qed ikunu remoti ħafna. Kienet ħaġa naturali li jekk il-Leġjunarji Maltin ħabirku biex il-Leġjun jixtered ma’ Malta, hekk ukoll ma naqasx li dan il-ġid spiritwali jgħadduh ukoll lill-Għawdxin. Hawnhekk ukoll, l-id ta’ Marija kollha ħlewwa nħasset tmexxi t-twaqqif tal-Ewwel Praesidium. Fis-7 ta’ Diċembru 1949, lejliet il-

ANNIVERSARJI

Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni, is-Sur Booker, li kien il-President tal-Leġjun ta’ Marija f’Malta, irċieva ittra mill-Kurja tal-Isqof biex il-Leġjun ikun jista’ jibda f’Għawdex ukoll. L-ewwel Praesidium twaqqaf fit-22 ta’ Jannar 1950 – Sena Marjana u Ġubilari. Fost l-Uffiċjali tal-Leġjun insibu l-kariga tadDirettur Spiritwali. Din l-Għaqda kellha x-xorti li għal diversi snin ikollha numru konsiderevoli ta’ Direttur Spiritwali Karmelitani. ● Wieħed minn tal-bidu li ħadem ħafna mal-ewwel President tal-Comitium (l-ogħla fergħa tal-Leġjun f’Malta) kien P. Tarċisju Licari, li serva mill-1949 sa Jannar 1954. Huwa kellu jħalli l-Leġjun biex imur jaħdem mal-emigranti Maltin fl-Awstralja. ● Direttur Spiritwali ieħor Karmelitan kien P. Klement Caruana. Huwa serva minn April 1955 sal-1964. Għen ħafna fl-estensjoni tal-Leġjun fi Sqallija. Huwa akkumpanja lil-Leġjunarji Maltin u ħadem ħafna fil-Kungress Leġjunarju li sar f’Pachino. Fl-1956 P. Klement kien ġie mtella’ l-Qorti fuq ċirkulari li kien bagħat lil-Leġjunarji kollha, u li l-gvern ta’ dak iż-żmien oġġezzjona għaliha. P. Klement kien ħareġ bl-unuri u wara saritlu laqgħa sabiħa. ● Barra minn dawn iż-żewġ patrijiet tal-bidu tal-istorja tal-Leġjun insibu oħrajn, fosthom: P. Timotju Azzopardi, P. Dijonisju Attard, P. Patrick G. Abela, P. Leonard Mahoney, P. Karm Ferrante, P. Kerubin Farrugia, P. Felician Bezzina, P. Marcellino Scicluna, P. Anthony Grech, P. Pier Tumas Gatt, P. Salv Bartolo, P. Franġisk Caruana, P. Joseph Falzon, P. Mark Attard, P. Clive Vella, P. Martin Schembri u P. Raymond Calleja. ● P. Leonard Mahoney mhux biss serva bħala Direttur Spiritwali tar-Regia (li hija l-ogħla istituzzjoni tal-Leġjun ta’ Marija bħalissa), imma wkoll għal diversi snin serva bħala Direttur Spiritwali kemm tal-Praesidia (li hija l-iċken fergħa tal-Leġjun ta’ Marija filparroċċa) kif ukoll tal-Curia (ġabra ta’ diversi Praesidia flimkien) Sultana tal-Paċi f’Tas-Sliema. ● P. Joseph Falzon ukoll għadu jservi bħal Direttur Spiritwali tal-Curia li tiġbor fiha ż-żona tal-Ħamrun (San Gejtanu u l-Kunċizzjoni), Santa Venera u l-Blata l-Bajda. Il-Fundatur Frank Duff jgħid li hu qatt ma kellu f’moħħu li l-Leġjun

joħroġ barra mill-Irlanda, iżda s-Sema riedet mod ieħor. Ix-xogħol tal-Leġjun ta’ Marija baqa’ jespandi u l-Leġjunarji bdew jidħlu għal xogħlijiet oħra. Bdew żjajjar fil-familji u fl-isptarijiet, żjajjar lill-anzjani fid-djar tagħhom, fil-ħabsijiet, kuntatti mat-turisti, u waslu wkoll biex jaħdmu fl-appostolat tal-baħar. L-id tal-Madonna wriet ukoll li xtaqet li l-Leġjun tagħha jkun skola ta’ spiritwali. L-iskop tal-Leġjun ta’ Marija huwa l-glorja ta’ Alla permezz talqdusija tal-membri tiegħu. Huwa mod ta’ ħajja mibnija fuq it-tagħlim ta’ de Montfort. Illum, ilLeġjun ta’ Marija mhux nieqes minn ħafna martri fiċ-Ċina. Edil Quinn li daħħlet il-Leġjun fl-Afrika hija Venerabbli, filwaqt li l-Fundatur, Frank Duff, u Alfie Lambe, li daħħal il-Leġjun fl-Amerika Latina, huma Qaddej ta’ Alla. Barra minn hekk, il-Knisja gawdiet mill-ħafna vokazzjonijiet li ħarġu millLeġjun ta’ Marija. F’dawn il-mitt sena mit-twaqqif tal-Leġjun ta’ Marija saret ħidma intensiva ta’ evanġelizzazzjoni permezz ta’ dawk ix-xogħlijiet li l-Leġjunarji daħlu għalihom. Min jista’ jgħid kemm sar ġid? Min jista’ jgħodd in-numru ta’ konverżjonijiet li saru, anke konverżjonijiet għar-Reliġjon Kattolika. Min jaf kemm serva ta’ kuraġġ għall-persuni biex jersqu lejn is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, anke wara diversi snin? Katina sħiħa ta’ mirakli fejn il-Verġni Mbierka turina li qed tinqeda iva bil-Leġjunarji imma fit-tmun hemm Hi. Ma nistgħux nistrieħu fuq is-suċċessi tal-passat! Dawk qegħdin hemmhekk biss biex jagħmlulna kuraġġ. Illum iktar minn qabel għandna sfidi ġodda quddiemna. Irridu nkunu lesti naraw il-Verġni Mbierka xi trid minnha fiż-żmien ta’ issa. Bid-devozzjoni lejn l-Ewkaristija u l-imħabba safja lejn Marija Ommna nistgħu nissaħħu spiritwalment u ntemmu mingħajr biża’ ħwejjeġ kbar għall-glorja ta’ Alla u s-salvazzjoni tal-erwieħ. Waqt li nifirħu u rroddu ħajr lil Alla u lill-Madonna għal dawn il-grazzji u l-mirakli li xerrdu fuq il-Leġjun ta’ Marija, kull Leġjunarju umilment jgħidilha: “Jiena kollni tiegħek Sultana u Omm tiegħi u kulma għandi huwa tiegħek.” Lulju - Settembru 2021

19

ĦAJJA NISRANIJA

Id-Dittatura tal-Liberaliżmu minn Joseph Camilleri, SDC

Madame Marie-Jeanne Roland de la Platerie, minkejja li tat ħajjitha għassuċċess tar-Revoluzzjoni Franċiża, spiċċat sentenzjata għall-mewt bil-giljottina bħalma ġralhom rivoluzzjonarji oħra. Fi triqtha lejn il-giljottina, qalet sentenza li tagħha għandna żewġ verżjonijiet, imma li t-tnejn għandhom l-istess ħsieb. Hemm min jgħid li qalet: “O libertà, kemm saru atti kriminali f’ismek!” Oħrajn jgħidu li qalet: “O libertà, għamlu minnek daħka fil-wiċċ!” Qatluha fit8 ta’ Novembru 1793 meta kellha 39 sena. Ma nafx Madame Roland kinitx qrat kitbet Platun, għax l-għaref Grieg qal xi ħaġa simili: “Libertà eċċessiva, kemm jekk ġejja mill-istat u kemm mill-individwi, twassal għall-jasar eċċessiv”. Demokrazija liberali Wara l-waqgħa tan-Naziżmu, tal-Faxxiżmu u, aktar qrib tagħna, tal-Komuniżmu simboliġġata bit-tneħħija tal-ħajt ta’ Berlin, sploda t-trijonf tad-demokrazija liberali, fejn ħafna ġnus bdew igawdu libertajiet li kienu miċħuda lilhom. Iddrittijiet tal-bniedem, għal miljuni ta’ ċittadini tad-dinja, saru realtà, u d-dinja bdiet tgawdi l-benefiċċji tad-demokrazija liberali. Imma ħafna fid-dinja, bil-mod il-mod, bdew jesaġeraw fl-interpretazzjoni tal-libertà. Għalihom, il-libertà saret tfisser li ‘tista’ tagħmel kollox’. Il-verità oġġettiva, saret suġġettiva, kulħadd kif jidhirlu hu. Id-dnub, kif jgħid itteologu moralista Bernard Haring, sar mod ta’ ħajja. Intilef is-sens ta’ Alla u s-sens tad-dnub (ara Eżortazzjoni Appostolika Reconciliatio et Paenitentia, tal-Papa San Ġwanni Pawlu II,

20

Lulju - Settembru 2021

Meta kulħadd jiġġudika mill-prospettiva tiegħu ... u mhux ta’ Alla!

1984). Ħażen ta’ kull xorta, b’mod partikulari dak li joħodha kontra l-morali Nisranija rigward is-sess, mhux biss ma baqax ‘klandestin’, imma sar aġevolat u mtella’ fuq pedestall. Miljuni ta’ nies issieħbu mal-għajta tal-Filosofu Nietschze: “Qtilna lil Alla, int u jien!”, u nsew kliem San Tumas d’Aquino Deus maxime liberalis est, li Alla hu l-akbar liberali, u allura hu l-għajn tal-libertà vera. Id-dittatura tal-liberaliżmu Il-Filosofu Edmund Burke jgħid: “Imma x’inhi l-libertà mingħajr għerf, u mingħajr virtù? Hi l-akbar ħażen possibbli; għaliex hi bluha, vizzju u ġenn, mingħajr tagħlim u rażan.” Hekk

ĦAJJA NISRANIJA

ġralna, b’konsegwenzi traġiċi. Minn liberaliżmu pożittiv għaddejna għal wieħed negattiv. Minn libertà, ironikament, għaddejna għal liberaliżmu dittatorjali “miftuħ”, “demokratiku”, u “globali”, biex nużaw il-kliem tal-Kardinal Gerhard Muller (ara Il Timone, Settembru 2019). Il-liberaliżmu dittatur tal-lum wassal biex fil-Kostituzzjoni talEwropa jitħalla barra l-Kristjaneżmu, bħallikieku ma kienx dak li ta l-qafas tal-kontinent tagħna; daħlu liġijiet kontra l-liġi naturali bħall-abort, ewtanasja, divorzju, ‘żwieġ’ omosesswali; maternità surrogata; il-morning-after pill; tneħħiet kull forma ta’ ċensura, b’konsegwenzi traġiċi fuq tfal u nies vulnerabbli, u oħrajn. Saħansitra għamlulna liġi kontra min jipprova ‘jikkonverti’ lil min ma jridx jibqa’ omosesswali. Biex ikunu ‘liberali’ inbidlu f’dittaturi antiKristjani (araw il-każ ta’ Caroline Farrow): iridu jneħħu s-slaleb u kull sinjal reliġjuż milliskejjel u postijiet pubbliċi; qed jgħaddu liġijiet biex iġiegħlu lill-konfessuri jikxfu atti pedofili (għax ma jżidux ukoll il-korruzzjoni, jew dik mhux ta’ min jikxifha?); ikeċċu ħaddiema li jilbsu s-salib jew iroddu s-salib qabel ix-xogħol; jibnu monumenti lil Satana proprju faċċata xi mafkar reliġjuż (ġabu lil Kristu u x-Xitan indaqs, dagħwa faħxija); imlew il-midja bil-pornografija u d-dagħa; daħħlu fl-iskejjel it-teorija giddieba u

qarrieqa tal-ġender; qed jippersegwitaw lil min jixhed għas-sewwa, ngħidu aħna, kontra l-abort, u mitt ħaġa vili oħra. Minn libertà li, għaddejna għal-libertà minn. Minn libertà li nadura ՚l Alla, għaddejna għal-libertà minn Alla! Minn libertà li nitolbu, għaddejna għal-libertà li nidgħu (neħħejna l-liġi kontra d-dagħa); minn libertà li nibni familja kif fehmha Alla, għaddejna għal-libertà li għandna forom differenti ta’ familja; mil-libertà li ngħixu ħajja nadifa, għaddejna għallegalizzazzjoni tad-droga; mil-libertà ta’ kontrolli utli għall-konvivenza, għaddejna għal-liġi talġungla fejn, min jiflaħ, iħawwel; mil-libertà vera taċ-ċittadini onesti, għaddejna għad-‘drittijiet’ talkriminali fejn, dawn tal-aħħar, huma aktar tutelati mill-onesti. Għaddejna mil-libertà tal-ħajja, għallibertà tal-mewt. Forsi ftit xhur ilu, ma kienx irRadikali Taljan Marco Cappato, li qal li issa t-Taljani huma ‘aktar liberi’ għax il-Corte della Cassazione fetħet il-bieb beraħ għall-ewtanasja? L-akbar ħasra hi li din il-mentalità daħlet b’ruħha u ġisimha anke fil-Knisja. Imma dan jitlob diskors għalih. Sadattant nitolbu għall-Knisja u għaddinja li, kif qal riċentement il-Kardinal Robert Sarah, it-tnejn qed ibatu għax intilef is-sens ta’ Alla u allura naqsu l-adoraturi.

Kalendarju tal-Qaddisin Karmelitani Lulju 4: Beata Marija Kurċifissa Curcio, Verġni 9: Beata Ġovanna Scopelli, Verġni 13: Santa Tereża ta’ Ġesù ta’ Los Andes, Verġni 16: Beata Verġni Marija tal-Għolja tal-Karmelu 17: Beata Tereża ta’ Santu Wistin u sħaba, Verġni u Martri 20: San Elija, Profeta 24: Beatu Ġwann Soreth, Saċerdot 26: Sant’Anna u San Ġwakkin, Ġenituri talVerġni Marija 27: Beatu Titu Brandsma, Saċerdot u Martri

Awwissu 7: San Albert ta’ Trapani, Saċerdot

9: Santa Tereża Benedetta tas-Salib, Verġni u Martri 12: Beatu Isidoru Bakanja, Martri 16: Beata Marija Sagrario, Verġni 17: Beatu Anġlu ta’ Wistin Mazzinghi, Saċerdot 25: Beata Marija ta’ Ġesù Msallab, Verġni 26: Beatu Ġwakkin Retouret, Saċerdot u Martri

Settembru 1: Santa Tereża Margerita Redi, Verġni 17: San Albert ta’ Ġerusalemm, Isqof

Ottubru 1: Santa Tereża ta’ Ġesù Bambin, Verġni 15: Santa Tereża ta’ Ġesù, Verġni

Lulju - Settembru 2021

21

TERZ’ORDNI

Knisja waħda, vjaġġ wieħed It-Terzjarju fil-Knisja u fid-Dinja tal-lum – Skeda 7 minn P. Charlò Camilleri, O.Carm.

Il-Knisja f’Malta ħarġet id-dokument “Knisja waħda, vjaġġ wieħed” li huwa programm pastorali sas-sena 2024. Bħala skeda għar-riflessjoni personali u fil-fraternitajiet xtaqt naqsam magħkom punti mit-taħdita tal-irtir tal-11 ta’ Ottubru 2020 tal-fraternità tat-Terz’Ordni flImdina bit-tema “Knisja waħda, vjaġġ wieħed. Kif il-Karmelitan Sekulari jissieħeb illum f’dan il-Vjaġġ”, li fih irriflettejna fuq dan id-dokument tal-Knisja f’Malta. Bħala membri fit-Terz’Ordni Karmelitan Sekulari, imħeġġin kif jgħidilna wkoll il-Papa Ġwanni Pawlu II fil-Vita Consecrata (nru 54) u Papa Franġisku fil-Iuvenescit ecclesia, li għandna nimxu mal-Knisja u nagħnuha bil-kariżma partikulari tagħna fi ħdan familja reliġjuża, fil-każ tagħna l-Karmelu. Meta kariżma partikulari ma tkunx qed tiġi mgħixa u mgħoddija lill-Knisja minn kategoriji partikolari, Istituti ta’ Ħajja Konsagrata u Assoċjazzjoni Lajkali jew Klerikali partikulari, il-Knisja tkun qed titlef u dik il-kariżma u l-Ispirtu s-Santu jgħaddiha lil min “jagħmel il-frott minnha” (Mt 21:43). Il-Knisja f’Malta qiegħda timpenja ruħha b’mod serju sabiex tiġġedded u tpoġġi fil-prattika t-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II, għal tiġdid radikali billi nħarsu lejn il-ħajja Nisranija fl-ewwel żminijiet, u naraw kif l-Ispirtu ta’ Alla kien mexxa l-ewwel komunitajiet Insara sabiex ixandru l-Aħbar it-Tajba. L-istess Konċilju enfasizza li dan l-eżerċizzju ta’ tiġdid jista’ jitwettaq biss bil-għajnuna tal-Kotba Mqaddsa, fejn nisimgħu lil Alla jkellimna. Għalina l-Karmelitani dan huwa punt tat-tluq importanti ħafna, għax aħna msejħin biex ngħixu kuljum “lejl u nhar bil-ħsieb tal-Liġi/Kelma tal-Mulej… li għandha tgħammar f’qalbna u f’fommna” kif tamar ir-Regula Karmelitana u tapplikah għalina r-Regula OKS. Għaldaqstant dan huwa mument ta’ grazzja

22

Lulju - Settembru 2021

għalina Karmelitani, għax nistgħu ngħinu lill-Knisja f’pajjiżna tisma’ l-Kelma, tixtarr il-Kelma, titlob il-Kelma u tħalliha titlaħħam fl-issa tal-istorja. Il-Lectio Divina, kemm fil-fraternitajiet tagħna u kemm fil-ħajja personali, bħala taħriġ fundamentali għal kull Karmelitan għandu jkun l-ewwel ġebla li nqiegħdu f’din il-binja li tixtieq ittella’ l-Knisja lokali. Nistaqsu mela: X’post għandha l-Kelma ta’ Alla f’ħajti u fil-fraternità tiegħi? Nitħarreġ fil-Lectio Divina? FilLaqgħat tal-fraternità hemm post għaliha? Dan id-dokument “Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed” ukoll jissuġġerixxi mudell ta’ kif għandha tkun il-Knisja, meħud ukoll mill-Kotba Mqaddsa: Knisja li takkumpanja, li toħroġ sabiex tiltaqa’, tisma’ u tgħin lil kulħadd, fuq l-eżempju ta’ Sidna Ġesù Kristu meta mar jiltaqa’ maż-żewġ dixxipli tiegħu fit-triq ta’ Għemmaws. Dan il-mudell jippreżenta viżjoni ħajja ta’ kif għandha tkun il-Knisja bħala Knisja waħda, dan id-dokument għandu rabta partikolari mal-viżjoni tal-Papa Franġisku, kif inhi espressa b’mod partikolari fl-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium. Importanti ħafna huwa s-suġġeriment kif dan il-proċess ta’ dixxerniment u tiġdid għandu jsir: “Ittiġdid li qed ikun propost mhux xi ħaġa li se tkun ‘imposta’ minn fuq għal isfel, imma se jkun tassew proċess ħaj li jikber b’mod organiku fl-aspetti kollha tal-Knisja f’Malta” (p. 2). Mela t-tiġdid irid ikun magħmul b’mod ħieles u attiv, jinkludi lil kulħadd, u mhux l-ewwel jiddixxernu l-awtoritajiet tal-Knisja, imbagħad jiddettawh lill-kumplament tal-Knisja, iżda jrid ikun proċess fejn kulħadd jagħti sehmu fih, sabiex il-Knisja tkun tista’ tuża d-doni u l-kariżmi kollha illi l-Ispirtu s-Santu jżejjen lil-

TERZ’ORDNI

livelli kollha tal-Knisja. Il-proċess irid ikun wieħed relazzjonali fejn kulħadd iħoss il-ħtieġa ta’ tiġdid u jaqsam dan it-tiġdid mal-Knisja kollha, jibda fil-fraternità li jagħmel parti, imbagħad jixxerred mal-fraternitajiet l-oħra wkoll fuq livell nazzjonali u wkoll fil-kollaborazzjoni sħiħa mar-Reliġjużi rġiel u nisa li huma parti mill-Familja Karmelitana. La l-proċess huwa organiku ma jistax isir fuq bażi individwali biss, iżda jrid ikun hemm sens ta’ xirka bejn l-aħwa. Il-fraternità li hija l-qafas fejn tista’ tingħax il-komunjoni jew l-għaqda tal-qlub fi Kristu hija wkoll element importanti fil-ħajja tal-Karmelu. Mill-Fraternità Universali napprezzaw iktar ilfraternità lokali għax ma nħossuniex waħidna. Lill-Knisja f’Malta nistgħu noffrulha dak li aħna f’dan il-vjaġġ billi nsaħħu l-fraternità u nkunu xhieda awtentika li “fejn hemm tnejn jew tlieta miġbura f’isem Ġesù hemm hu jinsab fostna.” ● fraternità mibnija madwar il-Kelma ta’ Alla u l-Ewkaristija, ● fraternità Marjana li hija spazju miftuħ li jilqa’ lil Alla u lill-aħwa minħabba fih, ● fraternità Eljana li tħalli lil Alla jibdilha u jittrasformaha f’sagrament tas-Saltna ta’ Alla fost il-bnedmin (ara l-ittra tal-Pirjol Ġenerali: Komunità li titlob fost il-poplu). Nistaqsu: Xi tfisser għalija l-fraternità? Kif qed ngħixha? Kif qed nixhed għaliha? Kif nista’ ngħixha aħjar b’mod effikaċi? Punt ieħor importanti huwa dwar il-mod kif il-Knisja tgħix bħala l-Ġisem ta’ Ġesù Kristu li jingħata. Fil-laqgħa ta’ Ġesù maż-żewġ dixxipli fit-triq ta’

Għemmaws, id-dokument jiddistingwi erba’ tappi: 1. Ġesù imur jiltaqa’ mad-dixxipli, 2. Huwa jisma’ l-uġigħ tagħhom, 3. Huwa jakkumpanjahom fit-triq, u, wara l-esperjenza personali illi ż-żewġ dixxipli kellhom ta’ Ġesù permezz tat-tagħlim tal-Iskrittura Mqaddsa u l-Ewkaristija, 4. Huwa jqanqalhom u jqawwihom biex joħorġu jxandru l-Aħbar it-Tajba tal-esperjenza illi huma kellhom ta’ Ġesù, jiġifieri, illi Huwa ħaj, rebbieħ fuq il-mewt u l-limiti tal-ħolqien. Bħal Ġesù, il-Knisja trid tisma’, tilqa’/tiltaqa’, takkumpanja u toħroġ ixxandar l-Evanġelju: ilKelma ta’ Alla li hija Bxara Tajba ta’ salvazzjoni. Għalina Karmelitani, is-smigħ u l-meditazzjoni tal-Kotba Mqaddsa huwa fundamentali sabiex aħna niġġeddu u ninbidlu fi Kristu ieħor u hekk nisimgħu, nilqgħu u nakkumpanjaw lil ħutna filKnisja u mal-Knisja.

Il-Karmelu Isem u Kunjom: _____________________________________________________________ Indirizz: ___________________________________________________________________ _________________________ Kodiċi postali:________________ Sena tat-twelid:________ Tel / Mob: _________________ Email: __________________________________________ Ibgħat din il-formola flimkien mal-ħlas tiegħek ta’ 10 Ewro jew aktar bħala Sostenitur lil: L-Editur Il-Karmelu, P. Anthony Cilia, O.Carm., Kunvent tal-Karmnu, Misraħ Santa Venera, Santa Venera SVR 1681. Tista’ wkoll tgħaddi l-ħlas tiegħek lil xi ħadd mill-kollaboraturi tagħna (ara qoxra 2)

Lulju - Settembru 2021

23

QADDISIN

San Duminku ta’ Guzman F’għeluq it-800 sena minn mewtu

minn P. Hermann Duncan, O.Carm.

San Duminku twieled fil-belt ta’ Calaruega ġewwa Spanja, fl-1170, minn familja nobbli, bin Ġovanna ta’ Aza u Feliċ ta’ Guzman. Skont it-tradizzjoni nafu li meta ommu kienet tqila bih, kellha ħolma li t-tarbija tagħha kienet se tkun bħal kelb bit-torċa f’ħalqu, li aktar tard tfissret li bid-dawl tal-prietki tiegħu kellu jqaddes lid-dinja. Għalhekk, dan il-kelb sar is-simbolu tal-Ordni Dumnikan bit-tixrid talBxara t-Tajba. It-tradizzjoni tgħid li ommu, waqt ilmagħmudija tiegħu, rat stilla fuq moħħu, li wasslet biex San Duminku jkun meqjus bħala Patrun talAstronomija. Ta’ erbatax-il sena daħal bħala student fl-Università ta’ Palencia biex jistudja l-Filosofija u t-Teoloġija. Meta kien għadu student sar Kanonku fil-Katidral ta’ Osma. Ġie Ordnat Saċerdot fl-1195 u mar jgħix mal-Kanonċi skont ir-Regola ta’ Santu Wistin, fejn fl-1201 inħatar Pirjol tal-komunità. Flimkien mal-Isqof tiegħu, żar Franza u hemm ra bosta ħsara li wettqu l-Albiġiżi bit-tagħlim qarrieqi tagħhom. Fost tagħlimhom kienu jsostnu li dak kollu spiritwali huwa tajjeb, filwaqt li dak materjali hu kollu ħażin, u li Ġesù ma twelidx tassew minn Marija. F’Languedoc kien iltaqa’ ma’ wieħed Albiġiż u wara li għadda lejl sħiħ jiddiskuti miegħu, irnexxielu jikkonvinċih biex jerġa’ jsir Kattoliku. Minn din il-laqgħa importanti, Duminku ntebaħ li kellu l-missjoni li jxandar l-Evanġelju u jiġġieled kontra l-ereżija tal-Albiġiżi. Ġabar numru ta’ għalliema biex jgħinuh iwettaq dan il-ħsieb tiegħu. Flimkien ma’ grupp ta’ nisa fl-1206 waqqaf il-kunvent ta’ Prouille. Baqa’ jipprietka għal għaxar snin sħaħ f’Languedoc. Fis-sena 1212 mar Toulouse, u tliet snin wara attenda r-raba’ Konċilju Lateran ġewwa Ruma.

24

Lulju - Settembru 2021

“Il-mewt ta’ San Duminku”, Kunvent ta’ San Bastjan, Salamanca. F’Toulouse waqqaf l-Ordni tal-Predikaturi jew kif huma magħrufa, id-Dumnikani, li kellhom ilmissjoni li jgħaqqdu l-għerf ma’ ħajja qaddisa, ħajja sempliċi u jimpenjaw ruħhom biex jippritkaw il-Bxara t-Tajba biex jeqirdu l-ereżija tal-Albiġiżi. L-approvazzjoni tal-Ordni nkisbet mingħand ilPapa Onorju f’Diċembru tal-1216. Nistgħu ngħidu li f’qasir żmien id-Dumnikani xterdu mal-Ewropa kollha. Fl-1220 il-Papa Onorju għażel lil Duminku bħala Superjur Ġenerali tal-istess ordni. Għalhekk huwa sejjaħ l-ewwel Kapitlu Ġenerali tal-patrijiet tiegħu ġewwa Bologna. Duminku ntgħażel darbtejn biex ikun Isqof iżda hu ma riedx għax xtaq jgħix fil-faqar ma’ ħutu r-reliġjużi. Baqa’ jgħix fis-safa u xtaq li jbati qatigħ għal Kristu. Kien bniedem ta’ talb u ta’ penitenzi

QADDISIN

ħorox. Huwa dejjem wera tjieba u ħlewwa ma’ kulħadd u hu meqjus bħala wieħed mill-ġganti ta’ għerf u qdusija fil-Knisja Kattolika. Kien jitkellem ma’ Alla jew fuq Alla skont id-dokumenti tal-Ordni tal-Predikaturi. Duminku kien ta’ virtù kbira, imħeġġeġ kollu kemm hu bl-imħabba ta’ Alla. Bla dubju ta’ xejn, kien mimli bil-ġieħ u bil-grazzja. Kellu karattru tassew qawwi. Ma kienx jinbidel malajr, ħlief meta jħoss u jħenn għall-oħrajn. Wiċċ Duminku kien jixhed is-sliem u l-hena ta’ qalbu. Dejjem kien ħelu ma’ ħutu u sħabu. Kien jgħaddi ljieli jitlob, u kien iħeġġeġ lil ħutu r-reliġjużi biex jitolbu bla waqfien. Ħadem ħafna biex jimtela blimħabba għas-salvazzjoni tal-bnedmin, ħsieb li wasslu għat-twaqqif tal-Ordni Dumnikan. Wissa lil ħutu biex ikunu midħla tal-Kotba Mqaddsa, talAntik u l-Ġdid Testment. Hu kien iġorr miegħu l-Evanġelju ta’ San Mattew u x’aktarx li tgħallem l-Ittri ta’ San Pawl bl-amment. Meta kien Bologna, Duminku marad u wara ftit ġimgħat għadda għall-ħajja ta’ dejjem fis-6 ta’ Awwissu 1221. Il-Papa Girgor IX stqarr fuqu: “Jiena nafu b’raġel li mexa għalkollox fuq ilmudell tal-Appostli. Ma hemmx dubju li ssieħeb mal-istess Appostli fil-glorja tas-sema.” Il-fdalijiet tal-qaddis jinsabu f’Bologna, fil-Bażilika tal-Patrijiet Dumnikani. L-istess Papa pproklamah Qaddis fl1234. Il-Beatu Ġordan tas-Sassonja kiteb fuq San Duminku: “Xejn ma kien ifixkel l-ekumeniżmu tiegħu, il-paċi u s-serenità tar-ruħ, jekk mhux issimpatija lejn il-batuti. Wiċċu kien jirrifletti l-veru ferħ. Kont tara fih dik il-paċi ġenwina tar-ruħ”.

Skandinavi u fil-Palestina. Imma llum, wara 800 minn mewtu, l-Ordni Dumnikan jinsab f’kull rokna tad-dinja, għana lill-Knisja b’40 qaddis, 4 Papiet, madwar 100 Kardinal, mijiet ta’ Isqfijiet, flimkien ma’ għorrief ewlenin, fosthom San Tumas t’Akwinu u San Albert il-Kbir. Id-Dumnikani waslu f’pajjiżna fl-1450 bl-ewwel kunvent tagħhom qrib għar fir-Rabat ta’ Malta, fejn jingħad li l-Madonna kienet dehret lil wieħed kaċċatur. Fis-snin ta’ wara fetħu kunventi oħra: tal-Lunzjata fil-Birgu (1528) u tal-Portu Salvu filBelt, Valletta (1569). Fl-1838 dawn it-tliet kunventi nfirdu mill-Provinċja ta’ Sqallija u saru Provinċja ta’ San Piju V. Aktar tard żdiedu żewġ kunventi oħra: tan-Nazzarenu f’Tas-Sliema (1909) u talMadonna ta’ Fatima fil-Gwardamanġa (1945). Fl1948 il-Flores College għadda f’idejn id-Dumnikani li semmewh St Albert the Great College. Il-knisja Dumnikana tal-Belt saret parroċċa mill-Papa San Piju V bil-Bolla Appostolika Ex Debito Pastoralis tat2 ta’ Lulju 1571. Il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Dumnikani twaqqfet f’Għawdex fl-1889, u ngħaqdet malOrdni Dumnikan minn P. Fruhwirth, il-Mastru Ġenerali. Huma fetħu l-ewwel dar f’Malta, Casa San Pietro, f’Ħal Lija, fl-1916. Wara fetħu tmint idjar oħra: St Joseph Home - Ħaż-Żabbar, Lourdes Home - L-Imġarr t’Għawdex, Apap Institute Santa Venera, St Catherine Home - f’Ħ’Attard u għandhom xi djar oħra fl-Ingilterra, fl-Italja, flAwstralja, fil-Pakistan u f’Sri Lanka.

Fil-Liturġija tas-Sigħat insibu din ittalba: “Mulej int għamilt lil San Duminku predikatur mill-aqwa tal-verità tiegħek: agħmel li jgħin lill-Knisja tiegħek bilmerti u t-tagħlim tiegħu u li jidħol għaliha quddiemek bit-talb qaddis tiegħu. Bi Kristu Sidna. Ammen”. San Duminku baqa’ magħruf għax waqqaf ir-Rużarju bħala mezz biex jikkumbatti l-ereżija Albiġiża. Bit-talba tar-Rużarju għadu jagħmel ħafna ġid peress li bosta nies bidlu ħajjithom u għamlu mewta tajba. Kif nafu r-Rużarju hu l-aktar talba li tonora lill-Madonna. Mal-mewt tal-Fundatur, l-Ordni Dumnikan kellu aktar minn 60 kunvent fl-Italja, Spanja, Franza, fil-Polonja, fil-pajjiżi

Guido Reni. “Il-glorja ta’ San Duminku”. Bażilika tadDumnikani, Bologna.

Lulju - Settembru 2021

25

KOTBA

Minn żewġ Sorijiet għal Filosofu minn Dr Carmelo Mifsud Bonnici, MP

1. Fl-aħħar artiklu rajna fejn ħaditna l-arti ta’ Sister Wendy Beckett: fi vjaġġ artistiku ta’ immaġini u ta’ trasformazzjoni interna. Il-bniedem jinbidel u jimxi passi ՚l ġewwa biex jipprova jifhem iktar lilu nnifsu, fejn jgħix, ma’ min jgħix u għaliex qiegħed jgħix. F’dan il-proċess li jista’ jwassal għall-bidliet varji, wieħed irid jitlaq minn punt, anki jekk huwa stess, dak il-ħin, ma jirrealizzax li fil-fatt telaq minnu. Jaf jagħraf dan iktar ՚il quddiem. Għalissa jagħraf lil ħbiebu li jafuh, dawk li jkellmuh, li jarawh jew jaqrawh, li jindunaw bih. F’din t-triq umana lejn issewwa, l-arti sagra għandha effett partikolari. Hija waħda li l-proċess tagħha huwa uniku, speċjali, partikolari, imma għal dawk li jmissuha, verament interessanti. L-arti sagra tibqa’ waħda li tibdel u tittrasforma l-bniedem, ġej minn fejn ġej. Ħafna drabi nikkonvinċi ruħi li l-arti sagra tmiss qalb ilbnedmin kollha. 2. Kif nafu, Sister Wendy Beckett għaddiet minn dan kollu. Kien il-kunvent tal-Karmelitani Skalzi ta’ Quidenham (UK) li ġabarha u “ħadha” fejn ma bassritx. Sabet ruħha bħala personalità fiddinja tal-arti. Imma ma kinetx “unika”, għax mill-istess post ħarġet soru oħra mimlija għerf: Rachel Gregory, isimha proprju. Hija awtriċi ta’ madwar erbatax-il ktieb maħruġa lkoll taħt l-awtriċi “fittizja”, dik ta’ Ruth Burrows. Ilha mill-1976 tikteb u tfittex ġewwa fiha. Indunajt biha però ftit xhur ilu. Xtrajt tliet kotba tagħha u ma jiddispjaċinix. 3. Qrajt f’daqqa, tul ir-Randan 2021, “Love Unknown: The Archbishop of Canterbury's Lent Book 2012”, u forsi f’dan stajt żbaljajt għax huwa magħmul minn numru ta’ paragrafi b’riflessjonijiet varji. Ġabra ta’ ideat, meditazzjonijiet, kjarifiki varji li jmissu f’forma ċirkolari ż-żewġ Testmenti. Taf meta taqrah l-ewwel darba, taħseb, għax forsi

26

Lulju - Settembru 2021

wkoll minnu nnifsu jwasslek taħseb hekk, li dawn huma maqtugħa minn xulxin. Imma meta tasal lejn l-aħħar tal-ktieb, tifhem li tteħidt magħha fi vjaġġ, li bħas-sejħa lura tad-dixxipli għall-Galilija, trid terġa’ taqbad mill-ġdid. 4. Minn dan il-ktieb dħalt fi vjaġġ Karmelitan bilqari ta’ ktieb ieħor: “Carmel. Interpreting a great Tradition.” Ktieb ieħor mill-isbaħ. Wieħed li bilpermess tagħkom nerġa’ nsemmi f’artikli futuri, għax huwa interpretazzjoni unika. Forsi wkoll insib kuntrasti ma’ dak li kiteb il-Beatu Titu Brandsma “The Beauty of Carmel”. F’dan it-tieni ktieb, lili laqtitni l-linja ħajja u “differenti” tagħha. Waqt li tħares lejn dawk li mmarkaw il-Karmelu fid-dinja, hija stess tgħaddi biex tinterpreta lilha nnifisha mill-ġdid. 5. Tikteb hekk dwar Santa Tereżina: “Precisely in showing us the heart of the Gospel, isolating it, as it were, from falsifying accretions, she interprets the charism of Carmel, and reveals it simply as a most pure expression of the Gospel. She goes to its very heart and strips off the debris, it has gathered in its passage down the centuries, and, often enough, redresses the balance.” U fl-istess ħin nagħrfu li l-awtriċi nnifisha sejra hija wkoll f’dan il-passaġġ fis-sekli. 6. Dan il-ħsieb ħadni iktar ՚il bogħod. Ftakart li ftit snin ilu kont xtrajt u qrajt il-ktieb ta’ Massimo Cacciari “Il Potere che Frena” (2013). Bniedem magħruf sew fl-Italja. Filosfu, għalliem universitarju u għal żmien mhux ħażin attiv filpolitika bħala deputat u Sindku ta’ Venezja. B’ideat viċin il-materjaliżmu marksista. Fil-partit komunista ta’ Enrico Berlinguer u wara f’pożizzjonijiet varji. Ma tistax tgħid li huwa demokratiku Kristjan, però

KOTBA

maż-żmien wieħed jista’ jagħraf li huwa wkoll għaddej mill-passaġġ tiegħu biex l-ideat politiċi, filosofiċi u “reliġjużi” tiegħu, jiġu iktar moderati u attenti. 7. F’dan il-proċess u passaġġ tiegħi, xtrajt u qlajt iktar kotba tiegħu. Fosthom ktejjeb żgħir żgħir mill-isbaħ “Generare Dio” (Ed. Il Mulino, Coll. Icone. Pensare per immagini, 2017) li fih ftit iktar minn mitt paġna. Miktub waqt li jħares u jammira l-arti. Anzi permezz ta’ pittura varja, ħidmet pitturi ‘mnebbħa’, jidħol biex jifhem u jirrifletti aktar dwar Sidtna Marija. 8. Ma hemmx għar-riflessjoni l-ikoni li missejna magħhom flimkien ma’ Sister Beckett, imma dawk il-pitturi li jmissu d-dinja tal-arti. Dawk ta’ Simone Martini, Piero della Francesca, Beato Angelico, Mantegna, Bellini, Masaccio u Rogier van der Weyden. Minnhom, dan il-bniedem kumpless, imma xorta fi triqtu wkoll, jislet ħsibijiet mill-isbaħ ispirati minn dak li kien qiegħed jara quddiemu. L-arti sagra, kif qed nikkonvinċi aktar ruħi, tmiss mhux biss dawk li huma fl-ordnijiet reliġjużi, imma dawk f’ordnijiet oħra, sekulari. 9. Proprju f’dan joħroġ aktar il-punt, li m’huwiex f’xi ordni reliġjuż li jinġibed “naturalment” lejn din l-istess linja u fl-istess vjaġġ li dawn iż-żewġ sorijiet qabdu. Jgħid li l-immaġini tal-Madonna għall-Filosfi bħalu hija “pallidissima” (paġna 10) waqt li huwa jħares lejn “una fenomenologia dell’invisibile nella rappresentanza sensibile di Maria.” U jkompli: “Tra parola e immagine non v’è mai alcun diretto rapporto ‘illustrativo’, e tuttavia, specialmente per questa figura, sembra spesso sia l’icona a eccedere la parola, e sia semmai la parola a ridursi a illustrazione dell’icona” (paġni 10-11). 10. Għalhekk waqt li Wendy Beckett imxiet wara li qrat testi reliġjużi u rriflettiet fuq l-arti, Ruth Barrows timxi wara li qrat testi reliġjużi, imma Massimo Cacciari mexa iktar għax irrifletta fuq l-arti. Insibuh għalhekk fi triqtu lejn passi oħra “reliġjużi” u “teoloġiċi”. 11. Proprju quddiem l-“Annunciazione” ta’ Simone Martini, Cacciari jgħid: “La tua obbedienza non ha nulla di semplicemente remissivo, quietistico. Ella giunge a volere la volontà Divina.” U f’paġna seba’ jżid b’iktar qawwa, għalija u għal dan l-artiklu: “È colei-che-genera, la Donna che ha generato il Figlio, tuttavia è anche colei che l’ha atteso, che

Simone Martini. “Annunciazione e i santi Ansano e Massima”. 1333, Gli Uffizi, Firenze. lo genera senza conoscerlo, che lo cerca senza trovarlo, che lo trova e lo perde, che lo piange e lo ritrova o spera di ritrovarlo.” Xi vjaġġ mill-isbaħ għalih u għalina. L-arti sagra, ikun xi jkun iż-żmien tagħha, għandha u jibqgħalha wisq x’toffri għal min irid jimxi warajha fil-passaġġ ta’ ħajtu.

L-identità, il-Preżenza u l-Verità minn Robert Farrugia Fl-aħħar xogħol tiegħu Meta r-Ruħ tintbill fidDeheb, P. Charlò Camilleri, O.Carm., jippreżentalna prattika tal-meditazzjoni li tista’ tgħinna negħlbu l-frammentazzjoni f’ħajjitna billi nfittxu s-sens ta’ dak li jgħaqqadna u jżommna sħaħ. Inħoss li hawn l-awtur, b’mod indirett, qiegħed iressqilna l-possibbiltà li ngħixu ħajjitna bħala pellegrini, minflok turisti: tal-ewwel jgħixu ħajja meditattiva bl-għan li jersqu dejjem eqreb lejn dak li hu ċentrali u sagru, mentri tal-aħħar jgħixu stil ta’ ħajja fejn l-iskop prinċipali jkun li jikkollezzjonaw Lulju - Settembru 2021

27

KOTBA

varjetà ta’ esperjenzi effimeri. Għaldaqstant, iżjed milli btala ta’ ftit minuti mill-ġenn ta’ kuljum, l-awtur qiegħed jiktbilna dwar stil ta’ ħajja. Infatti l-ewwel punt ta’ tħejjija li jippreżentalna l-awtur hu li ngħixu “ħajja etikament u moralment tajba” (16). Però, ma niqfux s’hemm. Minn din il-ħajja tajba aħna msejħin ukoll li nidħlu Charlò Camilleri, “Meta r-Ruħ iżjed fil-fond ta’ tintbill fid-Deheb”, Horizons, xi tfisser ngħixu Malta, 2021, pp 226, € 15. verament fid-dawl tal-Vanġelu. Naħseb li, fuq kollox, dan huwa l-għan aħħari ta’ dan il-ktieb. Dan ix-xogħol iwasslilna għarfien dwar bosta temi teoloġiċi u filosofiċi. Inħoss li dawn it-temi jistgħu jinġabru taħt tlieta prinċipali: L-identità, il-preżenza u l-verità. L-ewwel tema tittratta fuq l-eqdem mistoqsija li l-bniedem dejjem staqsa dwaru nnifsu: ‘Min jien?’ Mal-medda taż-żmien ġew preżentati varjetà ta’ tweġibiet għal din ilmistoqsija perenni, u kull risposta ġġib magħha bidla fil-mod ta’ kif inħarsu lejna nfusna u lejn xulxin. Ir-risposta li nsibu fil-Vanġelu hija ċara: aħna wlied Alla l-Missier li hu fis-smewwiet. Għaldaqstant, din il-prattika tal-meditazzjoni, li P. Charlò qiegħed iwasslilna, hija mod ta’ kif aħna naslu għal dan l-għarfien dwarna nfusna, billi “nirritmaw l-Isem li hu fuq kull isem, l-Isem ta’ Ġesù, man-nifs tagħna, bil-mod il-mod nibdew nindunaw li l-identità vera tagħna hija Ġesù Kristu” (213). Il-kelma “nindunaw” tindikalna li jeħtieġ ninqalgħu mill-illużjonijiet tagħna sabiex nagħrfu l-identità vera tagħna. Din il-kelma turina wkoll illi din l-identità mhix ivvintata minna, iżda hija mogħtija lilna. Allura xogħolna, fil-meditazzjoni, hu li niskopruha jew niftakruha. Meta mbagħad l-awtur jgħidilna li l-identità vera tagħna hija Ġesù Kristu, li hu l-iben u t-tieni persuna fit-Trinità Qaddisa, jiena nifhem biha illi, bħala wkoll ulied, aħna nipparteċipaw u niffurmaw parti minn dan il-misteru tat-Trinità Qaddisa fir-relazzjoni tagħna mal-Missier, fl-Iben.

28

Lulju - Settembru 2021

It-tieni tema, li għalija hija l-preżenza, għandha żewġ aspetti: li nkunu preżenti u fil-preżenza. Dawn l-aspetti huma mwaħħdin flimkien kompletament. F’tal-ewwel, l-enfasi tmur fuq, dak li l-awtur isejjaħlu, “il-Waqt” li hu “fl-issa ta’ ħajti li jiena ninsab, dak għandi u xejn ħliefu” (193). F’dan il-preżent, aħna nidħlu fina nfusna u nsibu li “Alla jinsab fih” (193) għaliex, kif ġa rrimarkajna, hemm niskopru l-identità tagħna bħala wlied. Għalhekk, bl-għajnuna ta’ din il-meditazzjoni li qed iressqilna l-awtur, aħna nsibu ruħna preżenti quddiem preżenza ta’ xi ħadd (u mhux xi ħaġa): il-Missier. F’dan il-preżent aħna nindunaw li din ir-relazzjoni qiegħda tistenniena nduru lura lejha, bħall-iben il-ħali li kien ħarab u mar lura għand il-missier. L-esperjenza ta’ din il-preżenza toħroġ qawwija u b’mod sħiħ fi kliem Ġesù stess: “qabel ma’ kien Abraham, jiena Hu,” (Ġw 8:58) fejn turina li din il-preżenza tinsab kontinwament filpreżent. Allura, din il-meditazzjoni tista’ tassew tgħinna nikkoltivaw l-attenzjoni meħtieġa biex inkunu verament preżenti u miftuħa għal din ilpreżenza. “Gwaj għalikom li bħalissa għandkom bix-xaba’” (Lq 6:25) għaliex Ġesù jgħidilna “jien il-ħobż tal-ħajja” (Ġw 6:35). Allura, l-attenzjoni, bħala prattika fiha nnifisha, turina li jeħtieġ li nitbattlu sabiex verament inħejju spazju fina għal din il-preżenza. Dawn iż-żewġ temi jwassluna għall-aħħar tema, li hi l-verità. Wara kollox, it-tlieta li huma huma magħqudin ma’ xulxin. Il-verità, bħall-identità, hija wkoll mistoqsija perenni li tidwi f’kull żmien. Fil-Vanġelu nsibu risposta ferm distinta u partikolari mill-bqija, fejn il-verità hawn mhix preżentata bħala kunċett jew idea, iżda bħala persuna: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja” (Ġw 14:6). Din ir-risposta ma tiqafx hawn. Propju minħabba li l-verità hija persuna tfisser ukoll li hi personali, li allura tfisser li hija relazzjonali. U x’hemm iżjed essenzjali f’relazzjoni jekk mhux l-imħabba! Fil-fatt din l-istess verità hija wkoll imħabba, għaliex “Alla huwa mħabba” u “dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla” (Ġw 4:8). Kif nistgħu naraw, kollox minsuġ b’mod sħiħ. Għalhekk din il-meditazzjoni li P. Charlò qiegħed jippreżentalna tista’ tgħinna ninġabru – u allura niġbru lilna nfusna sabiex ma nibqgħux frammentati – u nfittxu dak li jagħmilna sħaħ. Dan il-ktieb, għalija, jagħmlilna stedina li nistgħu nilqgħu f’ħajjitna sabiex ngħixu ħajja tajba u sħiħa fid-dawl tal-identità, tal-preżenza u tal-verità li jingħaqdu flimkien f’Ġesù Kristu.