Data Loading...

Il-Karmelu 85/3 (2020) Flipbook PDF

Il-Karmelu huwa perjodiku ta’ kull tliet xhur maħruġ mir-Reliġjużi Karmelitani Maltin b’artikli u aħbarijiet ta’ interes


368 Views
35 Downloads
FLIP PDF 8.71MB

DOWNLOAD FLIP

REPORT DMCA

MESSAĠĠ

Marija: Ikona għal kull Karmelitan 16 ta’ Lulju 2020

Kull Karmelitan huwa msejjaħ biex iħares lejn Marija bħala ikona tal-mixja Nisranija tiegħu wara Ġesù Kristu. Hi x’inhi s-sejħa partikulari tiegħu, reliġjuż/a, terzjarju/a jew lajk/a, is-sejħa fundamentali tiegħu hija dejjem waħda: is-sejħa għall-qdusija. Din hija sejħa li tgħodd għal kulħadd. Il-Karmelitani, mill-bidu tagħhom fuq l-Għolja talKarmelu, minn dejjem ħarsu lejn il-Verġni Marija bħala waħda mill-figuri fundamentali tal-Familja Karmelitana, Omm u Oħt il-Karmelitani. Il-kappella li madwarha ntasbu fuq l-Għolja tal-Karmelu, iddedikawha lill-Verġni Marija, għax xtaquha tkun preżenti fil-komunità bħala s-Sinjura tal-post. Minn hemm fil-fatt ġej it-titlu tal-istess Ordni: “L-Aħwa talImqaddsa Verġni Marija tal-Għolja tal-Karmelu.” Is-sejħa ta’ kulħadd għall-qdusija, li kull Nisrani għandu mill-Magħmudija tiegħu, titlob lil kulħadd, u allura wkoll lil kull Karmelitan, li jimxi wara Kristu billi jieħu sehem fil-missjoni saċerdotali, fil-missjoni profetika u fil-missjoni regali ta’ Ġesù. Dan ifisser li kull Karmelitan, waqt li jieħu sehem mill-ministeru saċerdotali ta’ Ġesù, irid joffri ‘sagrifiċċji spiritwali u li jogħġbu lil Alla’, u li permezz tagħhom jidħol u jinterċedi għall-fidwa tad-dinja. Marija, għalkemm ma tiħux sehem mill-ministeru saċerdotali ordnat, b’danakollu, tieħu sehem bħala Omm Alla u Kristu, is-Saċerdot il-Kbir. Għalhekk kull Karmelitan, hi x’inhi s-sejħa partikulari tiegħu, huwa mistieden iħares lejn Marija bħala eżempju ta’ veru tal-għaqda intima ma’ Ġesù li joffri lilu nnifsu lil Alla l-Missier. Min-naħa l-oħra, kull Karmelitan jieħu sehem ukoll mill-missjoni profetika ta’ Ġesù, jiġifieri huwa xhud u ħabbar tal-Kelma ta’ Alla lid-dinja. Dan ifisser li huma msejħa jħabbru l-Aħbar it-Tajba u l-qawwa tal-Vanġelu fil-ħajja ta’ kuljum, fil-familja u fil-

ħajja soċjali, bil-paċenzja u bil-kuraġġ, b’tama quddiem il-kontradizzjonijiet ta’ daż-żmien. Marija hija kkunsidrata bħala l-ewwel evanġelizzatriċi: lilha ġiet imħabbra l-ewwel l-Aħbar it-Tajba u hija l-ewwel waħda li laqgħetha. Il-mod kif laqgħet u ferrxet din il-Kelma, hija mudell u eżempju mill-aqwa għalina ta’ kif għandna nilqgħuha u nħabbruha flambjenti tagħna. L-istess kapaċità tagħha li ġġarrab sitwazzjonijiet ibsin u diffiċli u tibqa’ mimlija tama huwa wkoll eżempju mill-aqwa għan-nisrani. Il-Karmelitan jieħu sehem ukoll mill-missjoni regali, jiġifieri, sehem fil-missjoni ta’ Ġesù li jsalva lillħolqien u lil kull ħlejqa. Dan jitlob impenn kbir. Marija tieħu sehem f’din il-missjoni għax hija Omm il-Mulej li s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem. Fleżempju tagħha, il-Karmelitan huwa msejjaħ biex jaqbeż għall-batuti u għall-foqra u għal dawk li m’għandhomx tama oħra ħlief Alla. Għaldaqstant, Marija Omm il-Karmelu hija ikona tassew għallKarmelitan li huwa msejjaħ jimxi wara Kristu b’dedikazzjoni sħiħa, b’qalb safja u b’kuxjenza tajba. Il-Madonna tal-Karmnu timxi magħkom, tberikkom u sseddaqkom fil-mixja tal-ħajja tagħkom. Nawgura lill-qarrejja tal-perjodiku Il-Karmelu, il-festa t-tajba. Din is-sena hija waħda partikulari. Minħabba l-Coronavirus, ma nistgħux niċċelebrawha bħassoltu! B’danakollu, dak li nistgħu niċċelebraw nagħmluh bil-qalb u b’talb ħerqan li l-Madonna tal-Karmnu, li dejjem tlabnieha fil-mumenti ibsin, nitolbuha tidħol għalina u tfejjaqna minn dan il-virus qerriedi u tgħin lix-xjenzjati jsibu vaċċin li jilqa’ u jfejjaq il-marda. Marija, Omm il-Karmelu, itlob għalina. P. Joseph Saliba, O. Carm. Pirjol Provinċjali

Lulju - Settembru 2020

1

MARJOLOĠIJA

L-Immakulata Kunċizzjoni minn P. Adrian Attard, OCD

Għalkemm l-Immakulata Kunċizzjoni hi domma ta’ fidi, jeħtieġ li aħna nidraw inħarsu lejha minn angolatura differenti. Iktar minn sempliċi verità razzjonali, Marija hi “ġrajja salvifika” li turi t-traxxendenza ta’ Alla u l-grazzja tiegħu li jagħti l-ewwel u minn rajh. It-teologu Franċiż B. Sesboüé, infatti, ma jarax l-Immakulata bħala eċċezzjoni jew privileġġ (jiġifieri bħala kundizzjoni totalment differenti u iżolata mill-bqija talumanità), imma bħala fatt konkret li juri lil Kristu l-Feddej fil-qalba tal-eżistenza ta’ Marija. U kif sar magħha, hekk ukoll isir fina. Għax qabel iddifferenza (l-eċċezzjoni), tiġi l-ugwaljanza (ilkomunjoni); il-privileġġ, infatti, għandu x’jaqsam mal-mod biss kif seħħ f’Marija. L-essenzjali hu, pjuttost, il-fidwa tagħna lkoll minn Ġesù, Medjatur universali. Kemm Marija kif ukoll aħna ġejna mifdija minn Kristu u magħmulin konformi għaxxbieha tiegħu: Marija bi “preservazzjoni”, aħna bil-“ħelsien”. B’hekk l-Immakulata Kunċizzjoni hi realtà li turi kif il-qdusija unika tal-Iben ixxerrdet b’mod sħiħ anke fuq l-Omm. Din il-viżjoni kristologika u “pożittiva” tal-Immakulata tagħtina l-kuraġġ immorru ’l hinn mill-kruha u l-loġika tad-dinja, u ma nkunux kompliċi f’ebda forma ta’ ħażen, imma li f’kollox nagħżlu s-sewwa. Għaddew mija u sitta u sittin sena middefinizzjoni tal-Papa Piju IX dwar l-Immakulat Konċepiment ta’ Marija (8 ta’ Diċembru 1854) li “żżomm li l-aktar Imqaddsa Verġni Marija, sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, permezz ta’ grazzja singulari [...] minn Alla s-Setgħani, għall-merti meqjusa minn qabel ta’ Ġesù Kristu, is-Salvatur tal-umanità, kienet meħlusa minn kull tebgħa ta’ dnub tan-nisel, hija duttrina rrivelata minn Alla u għalhekk trid tiġi emmnuta bil-qawwa kollha u kostanti mill-fidili kollha” (Bolla Ineffabilis Deus).

2

Lulju - Settembru 2020

Hawn Piju IX jagħlaq proċess twil fl-istorja talKristjaneżmu (li ra bosta kontroversji ta’ natura Teoloġika), li fih insibu tliet elementi integranti u indispensabbli: il-poplu Nisrani bl-istint tal-fidi tiegħu (sensus fidei), it-Teoloġi bis-soluzzjoni tagħhom fil-kontroversji dottrinali, u l-Maġisteru tal-Knisja li bħala moderatur aħħari wasal għallformula preċiża u definittiva tad-domma fl-1854. Flimkien, dawn it-tliet fatturi, jagħmlu mid-domma tal-Immakulata Kunċizzjoni “ġrajja tal-Knisja” jew ukoll “fatt tal-Knisja” (factum Ecclesiae), jiġifieri realtà ħajja fil-prassi tal-poplu ta’ Alla. Din il-verità dwar Marija ma nsibuhiex tant flIskrittura jew fit-Tradizzjoni antika, imma l-ewwel u qabel kollox fis-sens Nisrani tal-poplu ta’ Alla. Mhux faċli titkellem fuq dan l-istint tal-fidi, għax dak li jgħix u jemmen il-poplu ħafna drabi ma jiġix dokumentat, imma muri fil-fatti, fl-attività u flinizjattivi artistiċi u kultwali. Għalhekk ikollna nduru lejn ix-xhieda indiretta ta’ Teoloġi li ħallewlna xi ħaġa miktuba dwaru. Eżempju ta’ dan huma Missirijiet il-Knisja li jikkonfermaw l-idea għolja tal-poplu Nisrani fuq Marija bħala dik li hi “kollha qaddisa”, b’ħafna aġġettivi u ismijiet. Il-Benedittin Eadmeru ta’ Canterbury jesprimi hu wkoll il-fidi tal-poplu fit-trattat tiegħu fuq il-konċepiment ta’ Marija. Fih jiddefendi s-sempliċità u d-devozzjoni umli tal-fqar li jiċċelebraw bla xkiel ta’ xejn il-festa tal-Conceptio sanctae Mariae Virginis, għall-għerf superjuri ta’ bosta ekkleżjastiċi sinjuri u sekulari li jaraw fiha festa bla fundament. Min-naħa tiegħu, G. Vasquez jitkellem fuq l-Immakulata bħala fatt universali u radikat profondament fil-fidi tal-poplu, tant li meta xi predikatur jistqarr li Marija ġiet imnissla bħal kulħadd fid-dnub tan-nisel, il-poplu jħossu mifxul u mweġġa’. Il-fidi popolari narawha tiżviluppa mażżmien: (a) bit-twaqqif ta’ konfraternitajiet taħt it-titlu tal-Immakulata Kunċizzjoni, li fihom insibu wkoll talb

MARJOLOĠIJA

retroattiv tal-misteru tal-Għid ta’ Kristu u talapplikazzjoni tiegħu b’mod l-iktar għoli u proprju fil-konfront ta’ Marija. Iktar minn eċċezzjoni jew li ma kellhiex bżonn talfidwa ta’ Kristu, l-Immakulata hi “magħquda, minnisel ta’ Adam, mal-bnedmin kollha li għandhom bżonn tal-fidwa” ta’ Ġesù (Lumen Gentium 53), u laqgħet, fl-inkapaċità tagħha li ssalva lilha nfisha bis-saħħa tagħha biss, il-grazzja tal-fidwa l-iktar qawwija. Dan kien dak li fehem Duns Scoto flargument tiegħu meta tkellem dwar “ir-redenzjoni preventiva”, fejn juri li l-Immakulata Kunċizzjoni hija l-kapulavur tal-Fidwa miksuba minn Ġesù Kristu, li bil-qawwa tal-medjazzjoni u tal-imħabba tiegħu, qalu li Ommu Marija tkun ippreservata, imħarsa u meħlusa mid-dnub oriġinali sa mill-bidu tat-tnissil tagħha.

Bartolomé Esteban Murillo (1617-1682), L-Immakulata Kunċizzjoni

bħaż-żieda sinifikattiva fil-Litanija tal-invokazzjoni “Sancta Virgo praeservata” (ġa preżenti f’Pariġi sa mill-1586); (b) bil-votum sanguinis f’diversi universitajiet Spanjoli u Taljani sa mis-seklu XVII; u (ċ) fl-espressjonijiet artistiċi, bħall-ħamsa u għoxrin tila ddedikati lill-Purísima ta’ B.E. Murillo. Hawnhekk ma nistgħux niżviluppaw il-ħsieb tatTeoloġi rigward l-Immakulata għax hu argument kumpless u artikulat. Li nistgħu ngħidu hu li llum, filMarjoloġija tinħass il-ħtieġa, li fejn għandu x’jaqsam id-dnub tan-nisel, it-Teoloġija dwar l-Immakulata ma titlaqx minn Adam jew mid-dnub, imma minn Kristu. Il-misteru tas-salvazzjoni tagħna ma jafx il-bidu tiegħu mill-bniedem, jew agħar minn hekk mill-ostaklu tiegħu, jiġifieri mid-dnub, imma f’Ġesù Kristu (ara Ef 1,3-6). Il-prijorità ta’ din il-prospettiva Kristologika ssegwi l-verità “a Christo ad Mariam”, fis-sens li wieħed għandu jifhem lil Marija fid-dawl ta’ Kristu. Ma tistax twieġeb il-mistoqsija “Min hi Marija?” jekk qabel ma tweġibx “Min hu Ġesù?” Jekk Kristu hu l-uniku Medjatur u Feddej tad-dinja, u jekk fil-mewt u l-qawmien tiegħu l-bniedem reġa’ tħabbeb ma’ Alla (2Kor 5,18-21), allura filmisteru tal-Għid tiegħu hu wkoll is-Salvatur ta’ ommu. It-Teoloġija, li żviluppat tul sekli sħaħ ta’ Kristjaneżmu, tgħid li Marija ġiet meħlusa mid-dnub tan-nisel “għall-merti ta’ Ġesù Kristu”, u mifdija minnu b’manjiera l-iktar sublimi (“sublimiori modo redemptam”). L-Immakulata Kunċizzjoni hi każ ta’ fidwa antiċipata u perfetta, bis-saħħa tal-valur

L-għan aħħari tal-Immakulata Kunċizzjoni hu, għalhekk, l-imħabba ta’ Alla. U l-pedament tiegħu hu l-vokazzjoni ta’ Marija bħala Omm Alla, li storikament u loġikament tinkludi qdusija proporzjonata ma’ dik ta’ Binha, minħabba l-għaqda intima tagħha miegħu. Iktar minn esiġenza imposta fuqha, in-nuqqas ta’ dnub f’Marija sa mit-tnissil tagħha hu punt fondamentali, għax permezz tiegħu naraw armonija mal-qdusija ta’ Kristu u mal-persuna u l-missjoni tagħha bħala Omm Alla. Kien jixraq li dik li nisslet lill-Iben ta’ Alla skont in-natura umana u laqgħetu fil-fidi, u li wkoll ingħaqdet miegħu fil-pjan tal-fidwa, kellha tkun meħlusa mid-dnub. Studju serju ta’ R. Laurentin juri kif fuq dan l-argument hemm qbil li ma jaqtax bejn il-Papiet ta’ kull żmien. F’ħadd minnhom ma nsibu ħsieb jew opinjoni li jara f’Marija xi forma ta’ dnub, la tan-nisel u anqas attwali. Ir-rwol tagħhom ta’ mexxejja kien, pjuttost, li jkunu wirja tal-fidi tal-Knisja u jmexxu ’l quddiem, permezz tal-Maġisteru u b’fermezza deċiżjonali, il-verità fi spirtu ta’ maturità. Irridu ngħidu li l-verità fuq l-Immakulata Kunċizzjoni ma ssibx il-bidu tagħha fit-Teoloġija (għalkemm din kienet meħtieġa) imma fil-ħsieb tal-poplu Nisrani, li fehem illi Marija, fl-ebda mument tal-eżistenza tagħha, ma kienet taħt is-setgħa tax-Xitan. Birraġun S. Pawlinu ta’ Nola jgħid li minn fomm il-fidili kollha jonfoħ l-Ispirtu ta’ Alla. U dan jixhed ukoll li l-Kristjaneżmu aktar milli duttrina, huwa ħajja fl-Ispirtu, bis-saħħa tal-magħmudija. Għalhekk, ilverità dwar l-Immakulata tixħet dawl fuq in-natura stess tal-Knisja bħala komunità ħajja li dejjem tikber u tiddawwal mill-Ispirtu tas-sewwa fit-tagħrif talmisteru. Lulju - Settembru 2020

3

ANNIVERSARJU

Sant’Anġlu ta’ Sqallija Karmelitan

minn Carmel Bonnici

Il-knisja ta’ Sant’Anġlu fiż-Żejtun Din il-knisja, li llum tinsab f’Misraħ Karlu Diacono ma’ Triq San Pawl (fejn hemm it-terminus tal-karozzi Tal-Linja), bnieha Gregorio Bonici fl-1670. Iddedikaha lil Sant’Anġlu, Karmelitan, minħabba d-devozzjoni li xxettlet fih meta kien Ambaxxatur tal-Kunsill Popolari Malti ġewwa Licata fi Sqallija. Minn hemm Bonici ġieb xi fdalijiet ta’ dan il-martri u l-kaxxa oriġinali li fiha kien miżmum il-ġisem ta’ Sant’Anġlu qabel ir-rikonjizzjoni tal-14 ta’ Mejju 1623, meta saret l-urna (il fercolo) tal-fidda li hemm illum. Din ilkaxxa tinsab f’urna fis-sagristija. Fl-4 ta’ Jannar 1675, kif imniżżel fl-Atti tan-Nutar Antonio Giordano, din il-knisja ngħatat it-titlu ta’ abbazija u dikjarata ġuspatronat (jiġifieri li hija proprjetà ta’ Gregorio Bonici u lest li jħarisha u jieħu ħsieb il-bżonnijiet kollha tagħha). Il-knisja tbierket fl-istess sena minn Dun Pietru Axiaq, kappillan tal-Birgu. L-altar maġġur huwa mżejjen bil-kwadru titulari mpitter minn Ġużeppi d’Arena, fejn juri l-martirju ta’ Sant’Anġlu, mitluq għal mejjet u merfugħ minn żewġ anġli. Hemm ukoll

4

Lulju - Settembru 2020

żewġ altari oħra, wieħed iddedikat lil Sant’Elena, għal mart Gregorio Bonici (xogħol ta’ Michelangelo Falzone) u ieħor lil Sant’Anna u Sant’Antnin ta’ Padova. Fil-knisja jidhru erba’ kwadri laterali oħra, xogħol ta’ Ġużeppi d’Arena wkoll, li jirrappreżentaw lil Sant’Apolonja, lil Sant’Agata, lil Santa Luċija u lil Santu Rokku flimkien ma’ San Rajmondu. F’dan il-post qaddis jinsabu midfuna diversi membri tal-Familja Testaferrata Bonici, fosthom Gregorio Bonici nnifsu. Fil-bidu l-knisja kienet mibnija b’saqaf troll (jiġifieri nofs tond) u bil-koppla, iżda minħabba li l-ħajt tan-naħa tax-xellug beda jċedi, fl-1843 il-Markiż Danjeli Testaferrata Bonici għamel ittravi flok it-tliet ħnejjiet tas-saqaf, neħħa l-koppla u rranġa l-faċċata. Fiż-żewġ ħitan laterali mhux ’il bogħod mill-bieb prinċipali, għadhom jidhru s-sinjali ċari ta’ bibien imblukkati bil-ġebel, bi ħnejja żgħira fuq kull wieħed. Mal-faċċata talknisja, fuq il-bieb, hemm kitba bil-Latin li tgħid: “Gregorio Bonici, li kien Ħakem tal-Belt tal-Imdina u Kap tal-Gżira kollha, biex qabel mewtu jħalli sinjal tad-devozzjoni li kellu, waqqaf din il-knisja lil Sant’Anġlu, u għamel ġuspatronat fis-sena 1670”. Illum, il-knisja hija proprjetà tal-Familja Testaferrata Bonici. Ta’ min

ANNIVERSARJU

isemmi wkoll li maġenb il-knisja hemm trejqa msemmija “Licata”, il-belt fejn ġie maqtul Sant’Anġlu.

Il-knisja ta’ Sant’Anġlu f’Ħal Far

Din il-knisja, li kienet tinsab fir-raħal antik ta’ Ħal Far, quddiem Wied Żnuber, illum m’għadhiex teżisti. Inqerdet fit-Tieni Gwerra Dinjija millattakki tal-għadu minħabba li kienet qrib ħafna tal-mitjar. Infatti, wara l-gwerra, l-art tagħha ttieħdet sabiex jitkabbar il-mitjar ta’ Ħal Far. Skont rikors milqugħ fit-2 ta’ Jannar 1702 millIsqof ta’ Malta Fra Davide Cocco Palmieri u kuntratt magħmul fl-10 ta’ Jannar tal-istess sena għand in-Nutar Giovanni Francesco d’Albrazzo, din il-knisja nbniet fl-1702 min-Nobbli Vincenzo Viani li kien joqgħod il-Belt Valletta. Kellha l-benefiċċju ta’ ħames skudi fis-sena, li bihom Viani ried li jitħallas ir-rettur tal-knisja, jinxtegħel lampier fis-Sibtijiet u lejliet il-Festi Kmandati u fil-festi tal-qaddisin li kienu jidhru fil-kwadru titulari. Il-festa ta’ Sant’Anġlu kienet issir nhar il-5 ta’ Mejju (jum id-dħul tiegħu fis-sema) bl-Ewwel Għasar u Quddiesa Kantata. Viani ħa ħsieb ukoll li jagħmel il-knisja ġuspatronali u li tintiret millewwel tifel fil-linja ta’ ibnu l-kbir Isidore. Dan kollu kien ikkonfermat fl-Atti Nutarili ta’ Paolo Vittorio Giammalva fit-28 ta’ Mejju 1775. Bħal ħafna knejjes li nsibu fil-kampanja Maltija, ilknisja tal-familja Viani kellha għamla rettangolari. Fuq il-bieb prinċipali kien hemm l-arma talGran Mastru Perellos u tal-Isqof Cocco Palmieri. Aktar ’il fuq, taħt ħnejja tal-ġebel, kien hemm qanpiena tal-bronż. Fil-ġenb, il-knisja kellha bieb ieħor żgħir li fuqu kellu l-arma tal-familja Viani. Minn ġewwa l-knisja kellha saqaf troll iserraħ fuq ħames arkati u altar wieħed tal-ġebel. Il-kwadru titulari, bi gwarniċ tal-ġebel, kien jinsab taħt

skultura tal-Ispirtu s-Santu f’għamla ta’ ħamiema. Fin-naħa ta’ fuq tat-titular kien hemm impittra l-Kunċizzjoni, fin-nofs Sant’Anġlu ta’ Sqallija, Karmelitan, fil-waqt li fin-naħa t’isfel il-qaddisin San Sidor, Isqof u Konfessur, u San Vinċenz Ferrer, Konfessur. Għal xi żmien, f’din il-pittura kien hemm ukoll ix-xbieha tal-fundatur, ħaġa li l-Isqof aċċetta li ssir (minħabba l-età avvanzata tiegħu) imma li kellha titħassar għalkollox wara mewtu. Fuq kull naħa tal-altar kien hemm żewġ bibien li jagħtu għas-sagristija. Fuq kull wieħed kien hemm pittura ovali. Il-kwadru tax-xellug kien ta’ Santa Teodora u l-ieħor ta’ Santa Marija Maddalena. Issagristija kienet tinstab wara tal-knisja. Fiha kien hemm bankun tal-ġewż, armarju, salib u kwadru ta’ Sant’Anna. Il-knisja tbierket fil-11 ta’ Ottubru 1702 millKommendatur Fra Jacques Duding. L-ewwel rettur tagħha kien Don Angelo Viani, iben il-fundatur u martu Maddalena Pensa. Don Angelo twieled f’Licata, fi Sqallija, fit-2 ta’ Lulju 1670, u kien Kappillan Konventwali tal-Lingwa Taljana fi ħdan l-Ordni ta’ San Ġwann. Fi żmien Don Angelo, fid-29 ta’ Jannar 1704, saret għotja oħra lil din

il-knisja għand in-Nutar Giovanni Francesco d’Albrazzo, fejn għall-ewwel darba jissemma t-titlu ta’ abbazija. L-aħħar rettur ta’ din il-knisja kien ilpoeta Malti Dun Frans Camilleri. (Tagħrif meħud minn: Abela, Dun Joe, Il-Parroċċa taż-Żejtun tul iżŻminijiet, KKM 2006; Terribile, Tony, Teżori fil-Knejjes Maltin - Il-Gudja, Marsaxlokk u ż-Żejtun, PIN 2003; Balzia, Michael, “300 Sena ilu Nbniet il-Kappella ta’ Sant’Anġlu ta’ Ħal Far”, Birżebbuġa: ‘Leħen il-Parroċċa San Pietru fil-Ktajjen’, Festa 2002.)

Lulju - Settembru 2020

5

ĦAJJA NISRANIJA

Il-Qdusija tal-Ħajja Umana u taż-Żwieġ Nisrani fl-Humanae Vitae (3) minn Jonathan Sammut, SDC

Il-Kontenut tal-Humanae Vitae (L-ewwel parti) L-Humanae Vitae tikkonsisti f’daħla ġenerali u tliet partijiet prinċipali. Fid-daħla tal-enċiklika naqraw li fit-trażmissjoni tal-ħajja umana, ilmiżżewġin isiru kollaboraturi liberi u responsabbli ma’ Alla l-Ħallieq (6). It-twettiq ta’ dan id-dmir minn dejjem offra diffikultajiet serji fil-kuxjenza tal-miżżewġin. L-iżvilupp soċjali u xjentifiku fittieni nofs tas-seklu għoxrin ħalla impatt qawwi fuq il-viżjoni tal-ħajja u l-kuntentizza tal-bniedem. Tali żvilupp qajjem ukoll mistoqsijiet ġodda dwar it-trażmissjoni tal-ħajja umana li l-Knisja kellha tirrifletti fuqhom aktar fil-fond. Kuntest ġdid li jippreżenta problema ġdida Fost il-bidliet kbar li l-Papa San Pawlu VI jsemmi li seħħew fl-aħħar sebgħin sena u li jolqtu tant mill-qrib il-ħajja umana nsibu: iż-żieda mgħaġġla fil-popolazzjoni, it-tħassib soċjali u ekonomiku, l-avvanzi fir-rwol tal-mara u s-sehem tagħha fis-soċjetà, l-apprezzament tal-valur intrinsiku tal-bniedem u għarfien xjentifiku ġdid rigward ittrażmissjoni tal-ħajja umana. L-iżvilupp mgħaġġel għen lil diversi movimenti biex jippromovu aktar libertà u progress soċjali. Xi movimenti, anki fi ħdan il-Knisja Kattolika, qajmu mistoqsijiet ġodda dwar it-trażmissjoni tal-ħajja umana, u għamlu pressjoni biex il-Knisja tbiddel it-tagħlim morali tagħha dwar iż-żwieġ u s-sesswalità. Skont xi wħud, il-bnedmin kollha setgħu jibbenifikaw kemm-il darba l-Knisja kellha tbiddel il-pożizzjoni tagħha dwar l-użu artifiċjali fir-regolamentazzjoni tal-prokreazzjoni tal-ulied. Billi bbażaw l-argumenti tagħhom fuq il-“prinċipju tat-totalità” użat fit-teoloġija morali,

6

Lulju - Settembru 2020

huma saħqu li l-prokreazzjoni tal-ulied għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest sħiħ taż-żwieġ u mhux f’kull att partikulari taż-żwieġ. Fi kliem ieħor, huwa ż-żwieġ inġenerali dak li għandu jkun miftuħ għall-ħajja u mhux kull att partikulari taż-żwieġ. Dawn l-ideat wasslu lil xi wħud biex jikkonkludu li jkun aktar jaqbel jekk ir-responsabbiltà tattrażmissjoni tal-ulied titħalla fil-libertà u r-rieda tal-miżżewġin milli tibqa’ kkundizzjonata mirritmu bijoloġiku tal-mara. Viżjoni sħiħa tal-bniedem It-trażmissjoni tal-ħajja umana trid tittieħed fil-kuntest aktar wiesa’ tal-viżjoni integrali talbniedem, tas-sejħa naturali u sopranaturali tiegħu. Il-Knisja tirrikonoxxi u tqis bħala pożittiv l-enfasi dwar l-importanza tal-imħabba konjugali, u l-maternità u l-paternità responsabbli li għamlu dawk favur l-użu ta’ metodi artifiċjali fil-kontroll tat-twelid. Madankollu l-Knisja ssostni li dawn iż-żewġ karatteristiċi taż-żwieġ iridu jittieħdu filkuntest tal-pjan oriġinali ta’ Alla għaż-żwieġ. Fil-pjan ta’ Alla ż-żwieġ huwa għaqda ta’ mħabba bejn raġel u mara. Permezz tal-għotja reċiproka tagħhom lil xulxin, il-miżżewġin jilqgħu s-sejħa li jsiru komunità ta’ mħabba u li jitqaddsu permezz ta’ xulxin. Fit-trażmissjoni ta’ ħajjiet ġodda u fit-trobbija tal-ulied, il-miżżewġin ikunu qegħdin jikkollaboraw ma’ Alla l-Ħallieq. Għallimgħammdin iż-żwieġ isir sagrament - sinjal u għajn ta’ grazzja li tqaddes. Karatteristiċi tal-imħabba konjugali Min-natura tagħha l-imħabba konjugali hija umana - tinkludi l-ġisem u l-ispirtu. L-imħabba konjugali mhix sempliċiment ġibda tal-istint jew emozzjoni

ĦAJJA NISRANIJA

frivola. L-ewwel u qabel kollox l-imħabba konjugali hija “att uman” tar-rieda ħielsa tal-bniedem li permezz tiegħu l-miżżewġin isiru qalb waħda u ruħ waħda. L-imħabba konjugali hija wkoll għotja totali, reċiproka, esklussiva u indissolubbli. Ittielet, l-imħabba konjugali tħalli l-frott; tmur ’l hinn mill-komunjoni ta’ bejn il-miżżewġin għax hija miftuħa għal ħajjiet ġodda. Maternità u paternità responsabbli L-imħabba konjugali titlob mill-miżżewġin li jħarsu lejn il-vokazzjoni paterna u materna tagħhom fid-dimensjonijiet kollha ta’ ħajjithom. F’sens bijoloġiku, maternità u paternità responsabbli tfisser għarfien u rispett lejn il-funzjonijiet bijoloġiċi tal-ġisem tal-bniedem. Fejn jidħlu ġibdiet u sentimenti sesswali, maternità u paternità responsabbli tfisser kontroll ordnat mir-raġuni u r-rieda ħielsa tal-bniedem, u mhux tqanqil tal-

Dawn iż-żewġ għanijiet tal-att taż-żwieġ huma inseparabbli u ma jistgħux jiġu separati minn xulxin. Il-miżżewġin għandhom jirrispettaw lil xulxin; qatt m’għandhom jimponu lilhom infushom fuq xulxin. L-att taż-żwieġ għandu jkun att liberu u reċiproku ta’ mħabba. Jekk fl-att taż-żwieġ ma jkunux miftuħin ukoll għal ħajjiet ġodda, il-miżżewġin ikunu qegħdin jikkontradixxu l-istess imħabba konjugali u jiċħdu l-pjan ta’ Alla għalihom. Meta, mill-banda l-oħra, il-miżżewġin jirrispettaw iż-żewġ għanijiet tal-att taż-żwieġ - unittiv u prokreattiv - huma jsiru ministri ta’ Alla u xhieda ħajja tal-pjan oriġinali ta’ Alla għaż-żwieġ. Prattiċi illeċiti tal-kontroll tat-twelid Il-viżjoni umana u Nisranija taż-żwieġ tgħinna nifhmu għaliex l-ebda intervent dirett fil-proċess ġenerattiv, u fuq kollox l-abort volontarju anki jekk magħmul bi skop terapewtiku, ma jista’ jitqies leċitu. Għandu jitqies ukoll illeċitu kull mezz ta’ sterilizzazzjoni permanenti u temporanju bil-għan li jiġu evitati tqaliet ġodda. Hekk ukoll għandu jitqies kull metodu ieħor ta’ kontroll tat-twelid bl-iskop li jimpedixxi, anki jekk għal raġunijiet tajbin, milli l-att taż-żwieġ ikun miftuħ għal ħajjiet ġodda. Mezzi ta’ kura leċita

istint u passjonijiet diżordinati tal-ġisem. Fejn jidħlu kundizzjonijiet fiżiċi, ekonomiċi, psikoloġiċi u soċjali, maternità u paternità responsabbli tfisser it-teħid ta’ deċiżjonijiet morali b’kuxjenza infurmata tajjeb dwar l-ippjanar tal-familja. Dan ifisser li l-miżżewġin jistgħu jippjanaw li jiffurmaw familja numeruża jew, għal raġunijiet validi u b’konformità mal-liġi morali, jagħżlu li jiġu evitati tqaliet ġodda għal xi perjodu ta’ żmien.

Madankollu huma leċiti interventi ta’ kura terapewtika biex jiġi mfejjaq xi mard, anki jekk ilkura mogħtija tista’ tirriżulta f’infertilità. Interventi ta’ kura huma leċiti biss jekk ma jsirux bl-iskop li jimpedixxu milli jkun hemm tqaliet ġodda. Il-perjodu infertili

Il-maternità u l-paternità responsabbli huma marbuta intrinsikament mar-relazzjoni tal-mara u r-raġel ma’ Alla. Ir-rabta tagħhom ma’ Alla twassalhom biex ikunu xhieda ħajja tal-verità, kif ukoll tgħinhom biex fil-ħajja miżżewġa tagħhom jilqgħu bil-ferħ il-pjan ta’ Alla għalihom fiż-żwieġ.

Fl-enċiklika l-Papa tenna l-importanza tar-raġuni umana u x-xjenza fil-ħajja tal-bniedem, sakemm dawn ikunu f’armonija mal-ordni maħluq minn Alla. Fejn tinħass il-ħtieġa serja li jitħalla perjodu ta’ żmien bejn tqala u oħra, il-Knisja tirrakkomanda t-tħaddim bil-għaqal tal-metodu naturali fiċ-ċiklu infertili tal-mara (natural family planning). Dan il-metodu ma jikkontradixxix il-pjan ta’ Alla għażżwieġ u ma jbiddilx in-natura tal-att taż-żwieġ.

Rispett lejn in-natura u l-għanijiet tal-att taż-

Konsegwenzi serji li jġib miegħu l-użu tal-

żwieġ

mezzi artifiċjali ta’ kontraċezzjoni

L-att taż-żwieġ jgħaqqad il-miżżewġin f’komunità ta’ mħabba (l-aspett unittiv) u jagħmel possibbli l-eżistenza ta’ ħajjiet ġodda (l-aspett prokreattiv).

Il-Papa tenna li meta wieħed jirrifletti b’mod serju u intelliġenti jista’ jintraċċa numru ta’ (ikompli f’paġna 9) Lulju - Settembru 2020

7

ESPERJENZA

Sfidati ngħixu l-ħajja Karmelitana minn Sor Donata Rodrigo, SCMTBG

Din hija l-esperjenza tal-komunità tas-sorijiet Karmelitani li jinsabu fil-parroċċa ta’ Fleur-de-Lys. Is-sorijiet waslu f’Għawdex mill-Italja fl-1957. Hemm għandhom żewġt idjar, waħda f’Ir-Rabat u l-oħra f’Ta’ Kerċem, fejn imexxu skola primarja. Kienu ilhom bix-xewqa li jiftħu komunità f’Malta. Din seħħet f’Novembru 2017 fil-parroċċa Karmelitana ta’ Fleur-de-Lys. Fil-preżent, il-komunità hija magħmula minn erba’ sorijiet: tnejn Filippini (Sor Cristina Roda u Sor Donata Rodrigo) u żewġ Maltin (Sor Paolina Vella u Sor Agnese Chircop). Sor Donata hija s-superjura tal-komunità. Aħna, is-Sorijiet Missjunarji Karmelitani ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, inħossuna ħbieb, kumpanni u qaddejja ta’ kulħadd, b’mod partikulari ta’ dawk il-persuni li jħossuhom imwarrba missoċjetà, u hekk nagħtu xhieda tal-kontemplazzjoni tagħna fost il-bnedmin u fil-qalb tal-Knisja. Nistgħu ngħidu li l-esperjenza tagħna hawn Malta hija sfida kontinwa, sfida bla waqfien biex naqdu l-missjoni tal-Karmelu. Imqanqlin mill-qawwa tal-

8

Lulju - Settembru 2020

Ispirtu s-Santu, ħassejna l-bżonn li nifhmu sewwa l-ispiritwalità Karmelitana, ngħixu l-Kelma ta’ Alla bl-għana kollu tagħha, nitolbu bla waqfien u nressqu l-erwieħ lejn Alla għas-salvazzjoni ta’ kulħadd. Aħna nħossuna grati ħafna li għandna l-patrijiet Karmelitani bħala parti mill-familja tagħna, għaliex huma mhux biss laqgħuna imma wkoll jgħinuna b’dak kollu li għandna bżonn. In-nies ta’ madwarna wkoll, huma ġentili u dħulin hekk li ħassejna lil kulħadd bħala ħutna fi Kristu. Napprezzaw ħafna l-ġentilezza u t-tjubija tagħhom lejna, u ninsabu kuntenti li qed ngħixu fosthom u fil-preżenza ta’ Alla. Din hija t-triq Karmelitana li għandna quddiemna: il-kontemplazzjoni fl-azzjoni, li hija frott ta’ relazzjoni ta’ mħabba totali ma’ Alla fi Kristu. Aħna nqisu lilna nfusna bħala bnedmin ixxurtjati u nroddu ħajr lit-Trinità Qaddisa għall-opportunitajiet offruti lilna sabiex nagħtu s-servizzi tagħna. Dan nagħmluh b’diversi ħidmiet: fost iż-żgħażagħ, bittqassim tal-Ewkaristija Mqaddsa lill-persuni morda tal-parroċċa tagħna, ta’ Mater Dei u ta’ San Vinċenz de Paul, billi nwasslu ħsibijiet spiritwali lillgrupp tal-Legion of Mary, u nservu l-Quddiesa Taljana fil-Belt Valletta. Aħna grati ħafna lejn il-kappillan tagħna, P. Martin Schembri, li tana l-opportunità nanimaw il-quddiesa bl-Ingliż ta’ kull nhar ta’ Ħadd li ssir bl-għajnuna ta’ saċerdoti li offrew is-servizz tagħhom bħala parti mill-missjoni tagħna. B’dan il-mod, aħna nistgħu nkomplu mmissu l-qalb ta’ bosta

ESPERJENZA

nies u hekk jgħixu ħajja mimlija ħeġġa ... għax xejn ma huwa iktar importanti milli wieħed isir għajn tal-imħabba ta’ Alla. Il-ħidma tagħna mhux biss hija interessanti imma wkoll tgħin lilna u lil ħutna nikbru fil-ħajja spiritwali. L-isfida tal-missjoni li għandna quddiemna hija li naħdmu flimkien bl-imħabba, bissabar u bit-tama għall-ġejjieni. “Ftakru, li f’għajnejn Alla xejn mhu żgħir. Dak kollu li għandkom tagħmlu, agħmluh bl-imħabba” (Santa Tereża). Filwaqt li nimxu fuq ix-xhieda tal-Fundatriċi tagħna, il-Beata Marija Kurċifissa Curcio u tal-Fundatur P. Lorenzo, il-missjoni tal-Karmelu hija “li nressqu l-erwieħ lejn Alla”. Dan hu mod tipiku ta’ kif wieħed “iħalli l-Karmelu jwarrad mill-ġdid”, huwa mod li bih “l-umanità tkun imġedda” bil-għajnuna ta’ mezzi spiritwali u appostoliċi. Il-missjoni tagħna hija li nevanġelizzaw, li naqsmu ma’ dawk li niltaqgħu magħhom: iddestin, il-problemi u t-tamiet tagħhom. Aħna, ta’ kuljum ispirati sabiex nagħtu s-servizzi tagħna fl-ambjent li ninsabu fih bil-għajnuna tat-Trinità Qaddisa, tal-Patruna tagħna Santa Tereża talBambin Ġesù, tal-Fundaturi tagħna u tal-Verġni Marija tal-Karmnu.

(Jaqbad minn paġna 7)

konsegwenzi li l-użu tal-mezzi artifiċjali ta’ kontraċezzjoni għandu fuq il-ħajja tal-bniedem. B’ton profetiku, il-Papa Pawlu VI elenka erba’ riskji li jġibu magħhom il-kontraċettivi, riskji li saru urġenti sa mis-snin disgħin: 1. Aktar infedeltà fiż-żwieġ u dekadenza talmoralità. Id-dgħufija hija realtà li qiegħda f’kull bniedem. Minħabba f’hekk jeħtieġ sforz komuni u inkoraġġiment kontinwu sabiex titħares ilfedeltà fiż-żwieġ, b’mod speċjali fost miżżewġin żgħażagħ, fejn it-tqanqil sesswali jkun akbar. 2. Nuqqas ta’ rispett lejn il-persuna tal-mara. L-użu tal-mezzi ta’ kontraċezzjoni jagħmel aktar faċli li r-“raġel” ma jirrispettax lill-persuna tal-“mara.” Saħansitra r-“raġel” jista’ ma jibqax jagħraf lil martu bħala s-sieħba u l-maħbuba tiegħu imma jibda jqisha bħala oġġett tal-iżvog egoistiku tiegħu. 3. Żieda fl-abbuż tal-poter. F’ambjent fejn l-użu tal-mezzi ta’ kontraċezzjoni jkun mifrux, hemm ir-

Fil-qalb tal-Karmelu aħna ngħixu fis-skiet filwaqt li nimitaw l-eżempji tal-Verġni Marija u tal-Qaddisin kollha, u nimxu l-mixja li għandna quddiemna f’għaqda intima ma’ Ġesù Kristu f’kull biċċa xogħol li jafdalna f’idejna, inkunu fejn inkunu. Aħna nemmnu li kollox huwa barka ta’ Alla, kull sfida li jkollna, sabiex din tinbidel fl-imħabba tiegħu. Aħna konxji mill-preżenza tiegħu fostna u mill-ħtieġa li kulħadd jgħix b’qalb safja u b’kuxjenza tajba fil-kumpanija tal-qaddisin kollha u mal-Ġisem ta’ Kristu li huwa l-Knisja. B’qalbna mimlija ferħ, il-fidi tmexxina lejn il-glorja eterna ta’ Alla l-Missier.

riskju li ċ-ċittadini jsiru pedina f’idejn is-setgħat; l-awtoritajiet isibuha aktar faċli jilleġiżlaw b’mod li jinkoraġġixxu, jew saħansitra jesiġu, “metodu talkontroll tat-twelid li huma jżommuh bħala l-aktar wieħed effikaċi”. Għas-soluzzjoni tal-problema demografika, il-Papa appella għall-prinċipji talPopulorum Progressio: “Lanqas ma nistgħu mingħajr inġustizzja kbira nżommu lill-Providenza ta’ Alla responsabbli ta’ dak li, għall-kuntrarju, jiddependi min-nuqqas ta’ għaqal fit-tmexxija, min-nuqqas ta’ ġustizzja soċjali.” 4. Mentalità fejn il-bniedem jaħseb li għandu kontroll assolut fuq il-ġisem tiegħu. Bl-użu tal-mezzi ta’ kontraċezzjoni hemm ir-riskju li l-bniedem jaħseb li jista’ jikkontrolla kif irid ilġisem tiegħu. Il-ħajja tal-bniedem hija don ta’ Alla li m’għandux jitħalla f’idejn ir-rieda kapriċċuża ta’ xi bnedmin. Għalhekk jeħtieġ li l-bniedem jagħraf il-limiti tiegħu bħala ħolqien ta’ Alla. Dawn il-limiti huma determinati fost l-oħrajn mill-funzjonijiet bijoloġiċi tiegħu. (Ikompli fil-ħarġa li jmiss.)

Lulju - Settembru 2020

9

SPIRITWALITÀ

Ġwanni ta’ San Sansun Ittri lil P. Duminku ta’ San Albert

minn P. Glen Attard, O.Carm.

In-natura ta’ ittra hija ferm differenti minn dik ta’ trattat jew diskors. Dan għaliex l-ittra hija ferm aktar personali, diretta, u ġeneralment tmur millewwel għall-qalba tas-suġġett mingħajr ħafna tidwir hekk li hija intenzjonata biex tkellem direttament lil xi individwu jew grupp partikulari. Il-fatt li ittra qatt ma tinkiteb għal udjenza kbira, ħlief għal xi eċċezzjonijiet, imma għal individwu partikulari, ifisser li mhija qatt intenzjonata li tkun stampata, imqassma, jew moqrija minn ħafna. Dan jagħmel li tinħoloq ċerta intimità bejn min jiktibha u min jaqraha, filwaqt li t-ton jinbidel u jadatta ruħu minn persuna għal oħra. L-ittri ta’ fra Ġwann ta’ San Sansun huma personali daqskemm huma varjati u profondi. Naraw fihom, b’mod aktar immedjat milli fit-trattati għaliex mhux ċensurati minn P. Donatien ta’ San Nicolas, il-personalità tassew umana ta’ fra Ġwann kif ukoll l-essenza tad-duttrina mistika tiegħu. Il-varjetà fid-destinatarji li rċevew l-ittri ta’ fra Ġwann jixhdu mhux biss għall-espansjoni soċjali ta’ dan il-fra umli – minn ħutu reliġjużi Karmelitani, għal-lajċi penitenti li kienu jfittxu mingħandu kelma ta’ faraġ, għal isqfijiet u saċerdoti, fosthom l-eżorċista u r-reliġjużi Ursolini fil-każ famuż ta’ Loudun, għal nies prominenti oħrajn fis-soċjetà Franċiża, għar-Reġina ta’ Franza nnifisha, Maria de Medicis – imma aktar minn hekk jikxfulna x’effett qawwi kellha l-ħajja spiritwali tiegħu fuq dawk kollha li semgħu bih u fittxew li jkellmuh, almenu bl-ittri. Għalkemm mill-kollezzjoni tal-ittri ta’ fra Ġwann waslu f’idejna 99 biss, li reċentement ġew ippublikati għall-ewwel darba fil-lingwa oriġinali, dawn jagħtu ħjiel tajjeb ta’ din l-espansjoni soċjali u spiritwali tiegħu. Disa’ mill-ittri f’din il-kollezzjoni huma indirizzati lil Duminku ta’ San Albert li x’aktarx iltaqa’ l-ewwel darba ma’ fra Ġwann fil-kunvent ta’ Rennes fl-1613. X’aktarx iltaqgħu hekk kif Vincent Eschard issieħeb

10

Lulju - Settembru 2020

mal-Ordni Karmelitan fil-5 ta’ Mejju 1613 fejn bħala novizz taħt Philippe Thibault ingħata l-isem ta’ Duminku ta’ San Albert. F’dan il-mument, Il-kjostru tal-kunvent Karmelitan għalkemm fra ta' Rennes li fih għexu fra Ġwann u Ġwann kien P. Duminku. ilu li ssieħeb mal-Ordni sa mill-1606 ġewwa Dol, u profess sa mill-1607, kien ilu mill-1612 biss li wasal fil-kunvent riformat ta’ Rennes, fejn Thibault obbligah jerġa’ jagħmel innovizzjat skont l-ispirtu tar-riforma ta’ Touraine. Duminku ta’ San Albert eventwalment ipprofessa fl14 ta’ Mejju 1614. Maż-żmien huwa kompla l-istudju tal-Filosofija u t-Teoloġija, ordna presbiteru, u ngħata għat-tagħlim tat-Teoloġija Spekulattiva. Hija l-opinjoni ta’ ħafna li P. Duminku u fra Ġwann kienu jgawdu minn ħbiberija tassew speċjali. Bouchereaux tasal biex tgħid li P. Duminku kien “bla dubju l-aktar iben spiritwali għażiż ta’ fra Ġwann.” Bremond isejjaħlu “d-dixxiplu preferut ta’ fra Ġwann.” Jixhdu għall-verità ta’ dawn l-istqarrijiet, l-ittri ta’ fra Ġwann innifsu li, pereżempju, jistqarr ma’ P. Duminku mhux biss li jerfa’ l-ittri tiegħu, imma li jerfagħhom “b’attenzjoni partikulari” (L10). Darba oħra, waqt li qed jiddiskutu ta’ min minnhom kienet ittra partikulari li kienet titkellem dwar il-ħarsa divina ta’ Alla fuq l-umanità, fra Ġwann jistqarr li ma jiftakarx ta’ min hi eżattament imma li jista’ jirreferi għaliha bħala “tagħna” (L11). Aktar ’il quddiem, fis-

SPIRITWALITÀ

6 ta’ Awwissu 1633, fra Ġwann minn Rennes jiftaħ l-ittra tiegħu billi jaċċerta lil P. Duminku tal-viċinanza tiegħu issa li ilu għal xi żmien jgħix fil-kunvent ta’ Nantes, “Niftaħ billi ngħidlek li minn dejjem ġarrejt f’qalbi u ħassejt it-toqol tad-dgħufijiet tiegħek […] fl-unjoni tal-Ispirtu, jew aħjar, fl-unjoni ta’ Alla, fuq kollox, inti sensittiv.” Sakemm P. Duminku kien Pirjol ta’ Nantes, nafu li l-kunvent kien il-ħin kollu fi proċess ta’ restawr, tkabbir, jew tisbiħ. Jidher li dan taqqal mhux biss il-ħsibijiet ta’ P. Duminku imma wkoll l-ispirtu tiegħu. Għalhekk fra Ġwann, bl-aktar mod prattiku, jissuġġerilu, “Nemmen li tagħmel tajjeb jekk tbiddel id-dar għal ftit taż-żmien biex tkun tista’ tinħeles mit-toqol tal-preżent li qed jaħkem lil ruħek bl-aktar mod impossibbli.” (L14). Fuq kollox, hu u jirrifletti dwar il-ħbiberija tagħhom, fra Ġwann jikteb darb’oħra, “Ma nista’ qatt ninsa l-ħbiberija tagħna, minkejja li tista’ taħseb mod ieħor, għaliex hija tant kbira li xejn ma jista’ jifridna. Jekk xi drabi dhert aħrax fl-ittri tiegħi, dan minħabba l-għaqda qawwija u li ma tinħallx tagħna. F’dan ilmument, spiss naħseb fik quddiem il-Maestà ta’ Alla. Għalkemm huwa veru li l-impressjoni li għandna ta’ xulxin m’għandhiex tfixkilna mis-safa tat-talb, imma tassew naqqaxna fil-qalb ta’ xulxin imħabba millaktar safja bl-għan li nibqgħu dejjem magħqudin.” Ir-rabta sabiħa ta’ fra Ġwann ma’ P. Duminku toħroġ fl-aħħar ta’ din l-istess ittra, “Emminni li jien ukoll bħalek nafda ftit nies, u lil dawn sa ċertu punt, imma għalik jien għadni u nibqa’ ngħix mingħajr limiti ta’ xejn.” (L15). Fl-aħħar nett, waħda mill-isbaħ elementi ta’ din il-ħbiberija li nsibuha kważi f’kull ittra kienet it-tislima tal-aħħar, meta wieħed kien jirrakkomanda lill-ieħor biex jitlob għalih, “Itlob ’l Alla għalija kif jien nitlob ’l Alla għalik.” (L10). Fil-kuntest ta’ din il-ħbiberija intima, għalkemm id-diskors ta’ fra Ġwann dwar il-mewt tar-ruħ għad-dinja jista’ jidher qawwi – huwa lingwaġġ li sfortunatament it-ton rigoruż tiegħu ċertament iżarżar f’widnejna llum – bla dubju element importanti fir-relazzjoni tagħhom kienet l-enfasi axxetika li toħroġ f’kull ittra tagħhom. “Il-mewt [tar-ruħ] hija l-ferħ ta’ Alla fina” (L13). “Fuq kollox għandek tmut u titlef lilek innifsek […] m’għandekx titlaq il-moħriet u tħares lura minħabba nuqqas ta’ paċenzja jew fidi f’Alla” (L14). “Mut, ħabib, għalkollox fis-solitudni tiegħek fir-ruħ u l-ġisem, kif jien ukoll hawn immut għalija nnifsi” (L15). Flistess ħin, interessanti ninnutaw li daqskemm huwa qawwi l-element axxetiku, daqstant ieħor huwa qawwi l-element mistiku, li jagħmel id-duttrina spiritwali ta’ fra Ġwann u ta’ P. Duminku millaktar bilanċjata. Mill-banda l-waħda, fra Ġwann, pereżempju, jenfasizza mal-ħabib tiegħu, “Għandek

tirrassenja ruħek għal dan il-martirju agonizzanti […] il-mewt [tar-ruħ] għandha tkun għalik eħfef minn ħajja mgħaxxa u anzjuża. Ma ngħidlekx jien, li mill-esperjenza naf il-mewt [interjuri] tiegħek, kif għandek tirreżisti tħabrik daqshekk kiefer u kostanti.” Jekk fra Ġwann jenfasizza l-mewt għaddinja “bi tbatija kiefra”, “b’ordni u diskrezzjoni”, u rigorożità, mill-banda l-oħra, jenfasizza wkoll ilħidma mistika ta’ Alla fir-ruħ, “Kif nemmnu, Alla qed jagħmel dan kollu fina. […] filwaqt li nistennew lill-Maestà Tiegħu li jiddisponi lir-ruħ kif irid Hu.” (L11). Mill-ġdid, filwaqt li jfakkru li “b’mod sigriet in-natura [umana] tfittex dejjem lilha nnifisha […] għandna nfittxu li nċedu l-armi [naturali] tagħna u nibqgħu attenti għall-oġġett tal-fidi […] irrid nieħu ħsieb tiegħi nnifsi billi nkun ċert li mmut għalija nnifsi, inġib fix-xejn mhux tant il-vivaċità naturali imma l-ġibdiet sottili li jaħkmuni bil-moħbi,” flistess waqt jinkoraġġih ukoll, “Alla jikfes dan kollu għalina u emmen li hekk hu” (L12). Darb’oħra, il-lingwaġġ mistiku jkompli joħroġ aktar qawwi u mill-aktar profond meta fra Ġwann jgħidlu, “[Innatura tagħna] għandha tittieħed mid-dinja biex tinġieb minn Alla ġewwa ġenna l-aktar safja, fejn Hu jgawdi mill-kontemplazzjoni sħiħa tiegħU fik u madwarek; fl-isfond tal-vjaġġ interjuri tiegħek, li fih int eċċellajt, inti wkoll qed tgawdi lil Alla li jitgħaxxaq fik fis-sempliċità tal-preżenza tiegħu.” U jkompli, “Agħmel mill-aħjar biex tkun strument ħaj f’idejn Alla li jagħmel fik u minnek, bil-ferħ tiegħu, il-ħlejqa għażiża tiegħu” (L13). Kemm fra Ġwann kif ukoll P. Duminku fehmu li r-raġuni ta’ din il-mewt interjuri m’għandha qatt tkun it-tbatija imma l-imħabba ta’ Alla. L-istess P. Duminku jikteb lil fra Ġwann dwar ix-xogħol tiegħu tat-tagħlim, “Għandi x-xorti li ngħallem żewġ trattati dwar l-imħabba ta’ Alla, dak tal-Grazzja u dak tal-Inkarnazzjoni. Ħija għażiż, inti dduq x’inhi l-vera Teoloġija filwaqt li jien, qaddej umli, jien ukoll bħal induqha mhux mill-kotba tiegħi imma mill-komunikazzjoni ta’ Alla” (Sernin, 209). Dawn iż-żewġt iħbieb fehmu li daqskemm huwa importanti li r-ruħ tmut għaliha nnifisha, speċjalment għal dawk il-ġibdiet li jifirduha minn Alla, daqstant ieħor huwa importanti li niftakru li Alla huwa ħaj fina, u mistikament jikkontempla lilu nnifsu fina. Blittri u t-trattati tagħhom, huma fittxew li jmexxu lil xulxin mhux biss fir-rigorożità axxetika imma wkoll fl-imħabba mistika ta’ Alla. Il-komplimentarjetà ta’ dawn iż-żewġ dimensjonijiet, l-intwizzjonijiet psikoloġiċi u spiritwali, kif ukoll il-profondità talviżjoni mistika tiegħu, jagħmlu minn fra Ġwann ta’ San Sansun tassew għalliem dehen u ġgant fittagħlim tal-ħajja tar-ruħ maġenb Santa Tereża ta’ Ġesù u San Ġwann tas-Salib.

Lulju - Settembru 2020

11

NILTAQGĦU MA’ ...

P. Guido Micallef, O.Carm. minn Joseph Rapinett

Illum, se niltaqgħu u nsiru nafu ftit aktar lil P. Guido Micallef li bħalissa qed jagħti s-servizz tiegħu fil-kunvent tal-Karmnu tal-Balluta. Għalkemm xtaqt ħafna li niltaqa’ miegħu personalment, minħabba ċ-ċirkustanzi li għaddejna minnhom f’dawn l-ewwel xhur tas-sena, fejn ma stajniex noħorġu minn djarna u kellna nżommu 'l bogħod minn xulxin, għal din l-intervista kelli nuża l-mezzi ta’ komunikazzjoni disponibbli. Minn dak li qalli P. Guido, jidher ċar kemm fil-ħajja talkunvent ta kontribut siewi lill-Provinċja Karmelitana u kemm hu patri umli li jħobb ħafna l-ħajja sempliċi li tħallilu aktar ħin għall-kontemplazzjoni. P. Guido, tista’ tgħidilna xi ħaġa fuq ittrobbija u l-familja tiegħek? X’memorji għandek tal-ġenituri tiegħek u ta’ ħutek? Sur Rapinett, qabelxejn nixtieq insellimlek u nirringrazzjak għall-interess kbir tiegħek lejn l-Ordni Karmelitan, mhux biss bħala Direttur tadDar tat-Talb “Lunzjata”, imma wkoll tal-għajnuna li qed tagħti lill-Editur ta’ dan il-perjodiku IlKarmelu permezz tal-intervisti tiegħek. Intant, dwar il-familja tiegħi nibda biex ngħidlek li jiena kont l-iżgħar wieħed fost sitt aħwa: Carmen, M. Lourdes, Mary Josephine, ħija Tony, Anna u jien, li qabel dħalt Karmelitan kien jisimni Paul. Il-ġenituri tagħna kien jisimhom Frans u Tessie née Dimech. Kienu joqogħdu bil-familja fl-Isla, imma minħabba

12

Lulju - Settembru 2020

t-Tieni Gwerra Dinjija, xi tliet xhur qabel twelidt jien, ġew joqogħdu l-Ħamrun, flistess triq tal-iskola primarja, illum imsemmija għal San Ġorġ Preca. Konna familja magħquda ħafna, però ma kontx nieħu pjaċir meta kienu jsejħuli “il-fessud tagħna”, l-għaliex għalkemm żgħir, kont nifhem li jien għad nikber. Dettall ieħor li għadni niftakar tajjeb huwa l-fatt li l-mamà kienet tpoġġilna l-ikel quddiemna qabel il-papà, però ħadd minna ma kien jibda jiekol qabel ma hu stess kien jgħidilna t-talba ta’ qabel l-ikel. Kellna rispett kbir lejn il-ġenituri tagħna u konna nobdu mingħajr ħafna għajjat żejjed. Meta kont żagħżugħ kont taħseb fuq x’karriera se taqbad? X’qanqlek biex għażilt il-ħajja reliġjuża fi ħdan l-Ordni Karmelitan? Il-familja tiegħek kif laqgħet id-deċiżjoni tiegħek? Għalkemm fil-familja tagħna jiena kont iżżgħir, kont inħobb ħafna ngħin lill-ġenituri u lil ħuti. Fost l-oħrajn, meta waħda minn ħuti bdiet tistudja l-mediċina, bil-ħsieb li issir S.R.N. (State Registered Nurse), jien ukoll ħsibt li din setgħet tkun il-karriera tiegħi. Dan minħabba li meta oħti kienet tiġi mill-iskola tal-Isptar San Luqa, kienet toqgħod tittrenja fuqi: kif tinfaxxa ras, xi id jew xi sieq. Fi ftit kliem kont qisni pupu f’idejha! Imma jien kont nieħu pjaċir, għax filwaqt li kont qed ngħin lil oħti, jiena kont qed nitgħallem ukoll.

NILTAQGĦU MA’ ...

Però iżjed tard kienet laqtitni d-devozzjoni talġenituri tiegħi lejn il-Madonna tal-Karmnu. Fil-fatt meta kelli tlettax-il sena dħalt il-Mount Carmel College f’Santa Venera. F’dak iż-żmien, P. Manwel Gatt, O.Carm., kien jieħu ħsiebi ħafna u jinvolvini fil-kant tal-Prize Days u f’attivitajiet oħra. Jista’ jkun li din l-attenzjoni tiegħu fuqi, mhux biss għenitni ħafna nintegra ruħi fost sħabi, imma wkoll biex niskopri l-vokazzjoni saċerdotali tiegħi u biex ngħin l-erwieħ. Barra minn hekk, ma rridx ninsa ngħidlek, li fl-arblu tar-razza tal-familja tagħna, hemm tliet ġenerazzjonijiet oħra li fihom kien hemm xi saċerdot: żewġ zijiet min-naħa talmamà, Dun Anton, Kanonku tal-Isla, u Dun Pietru Pawl, Arċipriet tal-Mosta, u ħu l-papà, li kien Monsinjur tal-Katidral t’Għawdex. Però jien minn dejjem ippreferejt Ordni Reliġjuż, li nkun sempliċi patri. U nista’ ngħid li minkejja l-għażla tiegħi, li nkun reliġjuż Karmelitan u ma stajt qatt insir Kanonku jew Monsinjur, il-familja tiegħi kienet kuntenta xorta waħda bl-għażla tiegħi. P. Guido, tista’ tgħidilna xi ħaġa fuq ilformazzjoni reliġjuża u saċerdotali tiegħek? Meta u fejn kont ordnat saċerdot u kemm kontu fil-grupp? Tliet xhur wara li spiċċajt Form V, jiġifieri fil-21 ta’ Settembru 1958, il-Provinċjal ta’ dak iżżmien, P. Karm Vella, tana l-Libsa Karmelitana u bdejna s-sena tan-Novizzjat. Niftakar tajjeb, fir-ringrazzjament tal-tqarbina bħala Novizz, jien tlabt ħafna għall-familja naturali tiegħi, li fiha xxettlet il-vokazzjoni tiegħi. Barra minn hekk, tlabt lil Ġesù u lill-Marija sabiex jgħinuni nirbaħ kull ostakolu li żgur kien se jkolli waqt l-istudji tiegħi. U mhux biss, imma tlabt ukoll il-grazzja li fil-ħajja tiegħi bħala reliġjuż Karmelitan, qatt ma nkun popolari fost sħabi. Inħossni rikonoxxenti lejn il-Mulej Alla li sama’ t-talb sinċier u ġeneruż tiegħi. Fis-sena tan-Novizzjat, li għamilnieha fil-kunvent tal-Imdina, konna sitt żgħażagħ. Minn hawn inżilna fil-Kulleġġ San Ċirillu filBalluta, fejn bdejna l-kors tal-Filosofija u wara tat-Teoloġija. Matul dawn is-snin tal-formazzjoni tagħna konna niftiehmu ħafna. Irrid ngħid li hawn kellna komunità ta’ reliġjużi ffurmati tajjeb spiritwalment u li kienu dejjem ta’ eżempju u ta’ ispirazzjoni għalina. L-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħi kienet flimkien ma’ għoxrin Djaknu ieħor u saret nhar is-Sibt 3 ta’ April 1965 fil-Konkatidral ta’ San Ġwann il-Belt Valletta minn Mons. Arċisqof Mikiel Gonzi.

X’kienet il-ħidma pastorali tiegħek wara l-ordinazzjoni saċerdotali? Hemm xi esperjenza partikulari li bqajt tiftakarha? Mal-Kapitlu Provinċjali tal-1967, il-Provinċjal P. Ġorġ Borg qassamna f’diversi kunventi, u lili bagħatni Santa Venera, fejn dak iż-żmien kien hemm kunvent wieħed biss, dak ta’ Misraħ Santa Venera. Hemm kont ħafna għal qalbi. Kont ngħallem ir-Reliġjon, il-Malti u l-Mużika fil-Mount Carmel College, li f’dak iż-żmien kien fix-Chateau Lonz. L-iżjed li kelli sodisfazzjon kien bit-tagħlim tar-Reliġjon għax fis-sbatax-il sena li għamilt ngħallem, diversi studenti sabu l-vokazzjoni reliġjuża u saċerdotali tagħhom, u fil-ħajja tagħhom taw kontribut kbir fost il-poplu ta’ Alla. F’Santa Venera, għal ħmistax-il sena, kont ukoll Direttur tat-Terzjarji Karmelitani u Direttur Ekkleżjastiku tal-Azzjoni Kattolika taxXebbiet. Minn hawn, il-Provinċjal P. Manwel Gatt bagħatni kappillan fil-parroċċa tal-Fgura, bl-iskop li kemm jista’ jkun malajr inlesti x-xogħol talknisja l-ġdida (il-knisja parrokkjali tal-lum) għallġid spiritwali tal-poplu tal-Fgura. Għall-grazzja ta’ Alla, minkejja l-ħafna xogħol u n-nuqqas ta’ fondi meħtieġa, lanqas għandi fomm biex nirringrazzja ‘l Alla. Dan l-għaliex bis-saħħa tiegħu mhux biss lestejt ix-xogħol tal-knisja, iżda wkoll għamilt ċentru parrokkjali taħtha, u l-uffiċċju tal-kappillan, li f’dak iż-żmieni ma kellix. Din kienet waħda mill-isfidi l-kbar ta’ ħajti ... u rbaħtha! Fl-1991, wara disa’ snin Kappillan tal-Fgura, bagħtuni fil-parroċċa tal-Balluta. Issa ilni hawn għal madwar tmienja u għoxrin sena. Prinċipalment, matul dawn is-snin kont nieħu ħsieb it-Terzjarji Karmelitani, u għadni nagħti s-servizz tiegħi bħala Kappillan ta’ Casa Leone (dar tal-anzjani), u bis-sagrament tal-Qrar fil-knisja parrokkjali tal-Balluta. Dan is-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni huwa l-iżjed għażiż u għal qalbi, l-għaliex bih ngħin diversi persuni jitħabbu mill-ġdid ma’ Alla l-Imbierek. Fl-aħħar nett liema spiritwalità tal-ħajja Karmelitana tirrakkomanda u x’parir partikulari tixtieq tagħti lil min se jaqra l-esperjenza tiegħek? Rigward din l-aħħar mistoqsija tiegħek jien nixtieq nirrikkmanda sentenza mir-Regola Karmelitana tagħna stess: In silentio et spe erit fortitudo vestra, jiġifieri: ”Fis-skiet u t-tama ssibu l-qawwa tagħkom”, l-għaliex lil Alla ma ssibux fl-istorbju.

Lulju - Settembru 2020

13

LECTIO DIVINA

Il-qamħ u s-sikrana flimkien! Żerriegħa tajba u żerriegħa ħażina minn P. Anthony Cilia, O.Carm.

Talba tal-bidu ● Ibda l-Lectio Divina billi titlob l-għajnuna ta’ Alla ħalli jdawwallek moħħok u jiftaħlek qalbek għallKelma tiegħu.

1. Il-Qari (Lectio) ● Aqra b’attenzjoni u b’vuċi li tinstema’ s-silta li ġejja, filwaqt li toqgħod attent għad-dettalji kollha: personaġġi, imġiba, postijiet, ambjent, eċċ. Mill-Evanġelju skont San Mattew (13,24-30) F’dak iż-żmien, Ġesù qal din il-parabbola: IsSaltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żara’ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu. Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żara’ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq. Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll issikrana. Resqu l-qaddejja fuq sid l-għalqa u qalulu, “Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?” Iżda hu qalilhom, “Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi.” “Tridx immorru niġbruha?” qalulu l-qaddejja. “Le,” qalilhom, “għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll. Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: ‘Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, imbagħad qiegħdu l-qamħ fil-maħżen tiegħi.’”

2. Il-Meditazzjoni (Meditatio) a) Biex wieħed jifhem aħjar il-Kelma ta’ Alla Din is-silta hija meħuda minn kapitlu tlettax tal-Evanġelju skont San Mattew. Dan il-kapitlu nistgħu nsejħulu “Id-diskors tal-Parabboli” għax

14

Lulju - Settembru 2020

fih l-Evanġelista ġabar seba’ parabboli li Ġesù rrakkonta f’diversi okkażjonijiet. Il-parabbola hija paragun, tixbiha, eżempju, ... hija storja li tista’ tkun vera jew ivvintata, bil-għan li biha wieħed jgħallem u jfisser veritajiet aktar għolja. F’din l-okkażjoni Ġesù jinqeda bil-parabboli biex jgħinna nifhmu xi ħaġa dwar is-Saltna ta’ Alla. L-ewwel Insara kienu jaħsbu li t-tieni miġja ta’ Ġesù, jiġifieri l-aħħar tad-dinja, kienet fil-qrib. Birrakkont tal-parabbola tal-qamħ u s-sikrana, San Mattew ifakkarhom f’dak li għallem Ġesù meta tkellem dwar il-fatt li s-Saltna ta’ Alla fid-dinja, għandha l-mod tagħha kif tikber, tiżviluppa u tasal għall-milja tagħha. Din is-Saltna kellha l-bidu tagħha fostna l-bnedmin bil-miġja tal-Iben ta’ Alla bħala bniedem. Dan għamlu fis-skiet, mingħajr ħafna storbju, b’ħajja sempliċi u normali, bħal ta’ kull bniedem ieħor ta’ żmienu. Meta mbagħad kellu madwar tletin sena, Ġesù beda jipprietka u jistieden lin-nies: “Indmu għax is-Saltna tasSmewwiet waslet.” Ħafna minnhom laqgħu l-istedina tiegħu u saru dixxipli tas-Saltna ta’ Alla. L-istess stedina ta’ Ġesù turina li s-Saltna tiegħu hija magħmula minn bnedmin midinbin, minn nies li huma tajbin u oħrajn li huma ħżiena. Mhijiex is-Saltna ta’ nies perfetti, bħall-qaddisin fis-sema. B’danakollu, s-Saltna mibdija minn Ġesù, għandha fiha l-qawwa li bil-mod il-mod tbiddel l-istorja talumanità b’affarijiet l-aktar żgħar u sempliċi. Meta quddiem is-Saltna ta’ Alla nirriflettu dwar il-preżenza tal-ħażen fid-dinja, u li dan il-ħażen jinsab fi ġlieda kontinwa kontra t-tajjeb, nindunaw kemm din hija problema serja. Għax min minna, xi darba jew oħra, qatt ma ħabbat wiċċu malħażen? ... kemm jekk hu ħażen fiżiku ta’ mard u mewt, u kemm jekk hu ħażen morali, effett

LECTIO DIVINA

tad-dnub u l-egoiżmu tal-bnedmin. U dal-ħażen niltaqgħu miegħu fina nfusna u fl-oħrajn, fi djarna, fuq il-post tax-xogħol, f’pajjiżna u fiddinja kollha. U quddiem dan kollu wieħed jistaqsi: “Imma l-għaliex jeżisti dal-ħażen kollu?” Ittweġiba jagħtihielna Ġesù b’dil-parabbola tiegħu. Jgħidilna li “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żara’ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu. Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żara’ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq.” Blaktar mod sempliċi Ġesù jxebbah is-Saltna tiegħu, il-komunità tal-bnedmin, ma’ għalqa. Jgħidilna li fiha hemm taħlita ta’ tajjeb u ħażin, ta’ “grazzja” u ta’ “dnub”. Imma Ġesù jgħallimna wkoll li hemm differenza kbira bejn it-tajjeb u l-ħażin. Infatti, huwa jsemmi żewġ bdiewa: wieħed li żera’ ż-żerriegħa t-tajba (il-qamħ) u l-ieħor li żera’ ż-żerriegħa l-ħażina (is-sikrana). U t-tnejn li huma għamlu xogħolhom f’ħinijiet differenti: ... wieħed mar jiżra’ l-qamħ binhar, fid-dawl tax-xemx, ... u l-ieħor mar jiżra’ s-sikrana fid-dalma tal-lejl (ara Ġw 3,20-21), waqt li n-nies kienu reqdin! Ġesù jgħallimna li l-ħażen mhuwiex parti minna nfusna, imma jidħol fina bil-mod il-mod, inkiss inkiss, filmument meta aħna ninsabu distratti u aljenati, u bla ma nintebħu, jiżra’ f’qalbna s-sikrana u jitlaq! Ix-xitla tal-qamħ u x-xitla tas-sikrana jixxiebhu ħafna u jingħarfu minn xulxin mill-frott tagħhom. Għaldaqstant, meta ż-żerriegħa tal-qamħ u tassikrana kibru u għamlu l-frott, kull waħda skont l-għamla tagħha, il-bdiewa (il-qaddejja) bdew jinkwetaw. U kellhom raġun wara dak ix-xogħol kollu li kienu għamlu. Għalhekk, marru għand sidhom u tarrfulu bil-fatt. Ma setgħux jifhmu kif huma żergħu żerriegħa tajba, dik li tahom hu, imma magħha kibret ukoll is-sikrana! “Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?” Iżda s-Sinjur, li kien jaf x’żerriegħa kellu, malajr fehem x’kien ġara. Qalilhom, “Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi.” Meta l-frott kien għadu aħdar, ma sarx, ilbdiewa ssuġġerew lil sidhom, li jmorru jnaqqu u jaqalgħu s-sikrana. Biċċa xogħol tassew diffiċli u kkomplikata! “Tridx immorru niġbruha?” qalulu l-qaddejja. “Le,” qalilhom, “għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll". Billi l-għeruq tax-xtieli tal-qamħ kien tħallat mal-għeruq tas-sikrana, sid l-għalqa beża’ li huma u jiġbdu s-sikrana, jaqalgħu magħha

l-qamħ ukoll. Għalhekk għażel li jħalli l-qamħ u s-sikrana jikbru flimkien: “Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad.” Ġesù jgħidilna li Alla jagħmel l-istess ħaġa magħna l-bnedmin. Iħallina nikbru lkoll flimkien, kemm it-tajbin u kemm il-ħżiena. Sadanittant, huwa jitlobna biex ma niġġudikaw lil ħadd. L-għaliex? Għax bħal sid l-għalqa, Alla għandu paċenzja kbira, aktar milli għandna aħna bnedmin, u kapaċi jissaporti li s-sikrana (il-ħażen) tikber flimkien mal-qamħ (mat-tajjeb). Dan kollu huwa sinjal tal-ħniena infinita tiegħu lejna l-bnedmin. Għax wara kollox, ilkoll kemm aħna qed ingawdu mill-paċenzja u l-ħniena infiniti ta’ Alla, ... għax f’qalbna, l-għeruq tal-qamħ huma minsuġa mal-għeruq tas-sikrana! Ħadd minna ma hu perfett! Għaldaqstant, aħna l-Insara, m’għandniex naħsbu li aħna aħjar minn ħaddieħor. Alla jagħti lil kull bniedem, lil kull midneb, iċ-ċans li jimmatura u jikkonverti. “Meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: ‘Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, imbagħad qiegħdu l-qamħ fil-maħżen tiegħi.’” Żmien il-ħsad kien xi ħaġa komuni filħajja tal-poplu Lhudi. F’April kien jaħsad ix-xgħir u f’Mejju kien jaħsad il-qamħ. Kien ikun żmien ta’ festa għax fih kienu jgawdu l-frott ta’ ħafna taħbit Lulju - Settembru 2020

15

LECTIO DIVINA

u stennija (Eż 34,22; Rut 2; Iż 9,2; S 126,6). Minħabba f’hekk, l-eżempju tal-ħsad jintuża minn diversi awturi bibliċi bħala simbolu tal-ġudizzju li Alla jagħmel fl-aħħar taż-żminijiet. Skont Ġesù, il-ħolqien kollu jinsab miexi bilmod il-mod lejn l-għan aħħari tiegħu. Ġesù jaf li l-qamħ mhux se jispiċċa fix-xejn, minkejja l-beżgħat leġittimi kollha li jista’ jkollna. Ġesù jistedinna nħarsu lejn is-sitwazzjoni tagħna u ta’ madwarna minn kif iħares lejha Alla. Bħallqaddejja tal-parabbola, jeħtieġ li aħna wkoll nikkoperaw ma’ dak li qed jitlobna Sidna, ... li nikkoperaw mal-grazzja ta’ Alla, u bħaż-żerriegħa, bil-paċenzja kollha nkomplu nikbru fis-skiet bissikrana madwarna. Jeħtieġ li nqiegħdu l-fiduċja kollha tagħna f’Alla u fih biss. Dil-ħaġa titlob minna ħafna ħniena lejn dawk ta’ madwarna. Aħna msejħin nirrispettaw lill-bniedem midneb, għax minkejja l-ħażen tiegħu, huwa jibqa’ maħluq xbieha ta’ Alla. Barra minn hekk, f’kull bniedem hemm fih xi ħaġa tajba, u kull bniedem għandu l-possibbiltà li jikkonverti. Irridu ndarru lilna nfusna naraw it-tajjeb li hemm fil-bnedmin ta’ madwarna, aktar milli s-sikrana li hemm f’ħajjithom. San Mattew jgħidilna li meta spiċċa jirrakkonta l-parabboli, Ġesù ħalla n-nies u mar id-dar. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu u qalulu: “Fissirhielna l-parabbola tas-sikrana fl-għalqa.” Bħala regola ġenerali Ġesù kien jirrakkonta l-parabboli bla ma jfissirhom ... biex iħalli n-nies jirriflettu fuq dak li jkun qalilhom. Din hija waħda mill-ftit parabboli li Ġesù jfisser wara li talbuh id-dixxipli tiegħu (ara Mt 13,36-39). Biha jrid jgħallimna li l-veru frott ta’ dak li nkunu ppruvajna nagħmlu matul ħajjitna fis-Saltna tiegħu, se jidher meta nsibu ruħna quddiemu fit-tluq tagħna minn din l-art u fi tmiem id-dinja. Dakinhar isseħħ it-tieni miġja ta’ Ġesù bħala mħallef, fejn it-tajbin jieħdu l-premju u l-ħżiena jieħdu l-kastig. b) Xi mistoqsijiet biex wieħed jinżel aktar fil-fond ― X’laqatni l-aktar f’din il-parabbola ta’ Ġesù? L-għaliex? ― Dil-parabbola, kif nista’ napplikaha għall-ħajja tiegħi? ― Jien inħossni membru tas-Saltna mwaqqfa minn Ġesù Kristu? ― Jien wieħed minn dawk li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar is-Saltna ta’ Alla? ... jew inkella

16

Lulju - Settembru 2020

nħossni komdu bil-ftit li naf? ― Jekk nixtieq inkun naf aktar, infittex dawn iżżewġ parabboli ta’ Ġesù: “tax-xibka” (Mt 13,4749) u “tan-nagħaġ u l-mogħoż” (Mt 25,31-46), u nara jekk jaqblux ma’ din li rrakkontalna llum. ● Issa huwa l-waqt li tagħlaq għajnejk u tintelaq f’idejn Alla, u tara xi jrid jgħidlek permezz talKelma tiegħu. Jista’ jkun li qed jistiednek tirrifletti aktar dwar ħajtek u l-ambjent ta’ madwarek, jew inkella li tieħu xi deċiżjoni fir-relazzjoni tiegħek miegħu, miegħek innifsek, mal-bnedmin u malħolqien ta’ madwarek. Meta tkun għaddejt ħin biżżejjed timmedita, għaddi għat-tielet parti: it-talb.

3. It-Talb (Oratio) ● S’issa kien Alla li kellmek bil-qari u bilmeditazzjoni. Issa jmiss lilek li titkellem ma’ Alla, billi tressaq quddiemu talb ta’ tifħir, ta’ radd il-ħajr, ta’ maħfra, jew għall-bżonnijiet tiegħek u tal-oħrajn. Meta tkun temmejt it-talb tiegħek, tista’ tgħid xi talba spontanja jew inkella xi Salm, bħala għeluq. Imma tajjeb tiftakar, li l-Lectio Divina ma tispiċċax hawn, imma tkompli bilKontemplazzjoni.

4. Il-Kontemplazzjoni (Contemplatio) ● Matul il-jiem li ġejjin, tkun fejn tkun, ftakar u aħseb fil-Kelma ta’ Alla li għadek kemm qrajt (Lectio), immeditajt (Meditatio) u tlabt (Oratio). B’dan il-mod inti tkompli tgħix u taqdi l-vokazzjoni tiegħek fil-preżenza ta’ Alla (Contemplatio).

Talb għall-Abbonati u l-Benefatturi Infakkru li f’kull tnejn tax-xahar, fil-knisja l-qadima ta’ Santa Venera, issir quddiesa għall-bżonnijiet tal-abbonati u l-benefatturi ħajjin u mejtin ta’ Il-Karmelu. Nieħdu gost li tingħaqdu magħna fit-talb tagħkom.

AĦBARIJIET

Ħarsa madwarna ... Il-ġrajjiet l-aktar importanti

● Restawrati niċeċ u statwi Bħala parti mill-proġett li l-Korporazzjoni għarRiġenerazzjoni tal-Port ilKbir (GHRC) qed twettaq fl-inħawi ta’ Marsamxett fil-Belt Valletta, fil-bidu ta’ din is-sena kienu restawrati, bejn niċeċ u statwi, erbatax-il waħda. Bosta minn dawn inniċeċ u statwi huma ddedikati lill-Madonna tal-Karmnu. Bejn wieħed u ieħor fil-Belt Valletta hemm madwar tlieta u għoxrin niċċa ddedikati lill-Madonna tal-Karmnu. Minħabba t-trattamenti li għaddew minnu l-istatwi u n-niċeċ matul is-snin, ilKorporazzjoni ħadet ħsieb biex qabel ir-restawr issir riċerka dwar il-kuluri oriġinali tagħhom. L-erbatax-il aspett arkitettoniku restawrati huma mqassma hekk: tmien statwi kbar tal-ġebel u sitt niċeċ mal-ħitan. Fost l-istatwi l-kbar hemm erba’ li jinsabu fl-inħawi tas-Santwarju Bażilika talMadonna tal-Karmnu, filwaqt li l-oħrajn jinsabu fi Triq l-Ajkla, fis-Sur tal-Ingliżi (fil-Fossa tal-Belt) u żewġ statwi oħra li jinsabu fil-parti magħrufa bħala d-Duwe Balli. Is-sitt niċeċ restawrati jinsabu fi Triq il-Punent, fi Triq San Nikola, u tliet niċeċ fi Triq iż-Żekka u Triq San Duminku. Waħda minniċeċ ta’ Triq Żekka kellha ssir kollha mill-ġdid minħabba li l-injam tagħha kien tmermer. Il-Ministru Ian Borg, responsabbli minn dan irrestawr, wera l-importanza li nkomplu ninvestu fi

proġetti li jħarsu u jikkonservaw it-teżori kulturali tagħna. In-niċeċ u l-istatwi, speċjalment dawn fil-belt kapitali, għandhom storja twila li tħares lura lejn żmien il-Kavallieri u għandhom post importanti fil-kultura tagħna. Il-finanzjament ta’ dan ir-restawr inkiseb permezz tal-Programm Operattiv I – Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 2014-2020, li hu parzjalment iffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali bħala parti mir-Riġenerazzjoni taż-Żona ta’ Isfel tal-Belt Valletta. ● Pubblikazzjonijiet Karmelitani Bħalissa, id-ditta Outlook Coop u Horizons Ltd tinsab tiffinalizza l-pubblikazzjoni ta’ erba’ kotba li għandhom x’jaqsmu mal-Karmelitani. L-ewwel wieħed huwa dwar il-kunventi u l-knejjes Karmelitani f’Malta. Il-ktieb se jkun jismu Vinea Carmeli. 600 Years of Carmelite Presence in Malta. Dan il-proġett beda f’għeluq is-600 sena tal-preżenza Karmelitana f’Malta. Fotografa professjonali ħadet ħsieb iddur il-kunventi u l-knejjes kollha tagħna sabiex tiġbed ir-ritratti għal dan il-proġett. Min-naħa l-oħra, is-Sinjura Rita Vella Brincat irriċerkat u kitbet test dwar ilpreżenza Karmelitana f’Malta. Il-ktieb mistenni joħroġ din is-sena. It-tieni proġett huwa l-pubblikazzjoni tal-poeżiji ta’ P. Felician Bezzina, O.Carm. Dan il-proġett se jkun fih iktar minn volum wieħed bil-poeżiji, madwar 800 waħda, imqassmin b’mod tematiku. It-tielet pubblikazzjoni se tkun tiġbor it-taħdidiet ta’ P. Charlò Camilleri, O.Carm., dwar il-prattika tal-meditazzjoni Nisranija skont it-tradizzjoni Karmelitana. Il-ktieb se jkun fih daħla mill-Prof. Michael Zammit. L-aħħar pubblikazzjoni għandha x’taqsam mat-teżi tad-dottorat ta’ P. Glen Attard, O.Carm. Permezz Lulju - Settembru 2020

17

AĦBARIJIET

ta’ dan il-ktieb il-pubbliku se jkollu l-okkażjoni jiltaqa’ aktar mill-qrib mal-istudjuż Russu Pavel Florenskij. Inżidu ngħidu li qegħdin isiru wkoll taħdidiet malistess ditta dwar il-possibilità ta’ pubblikazzjoni li fiha tkun tiġbor kitbiet Karmelitani. Din isserje hemm il-ħsieb li tissemma Viridarium Carmelitanum u l-għan tagħha huwa li toffri spazju lill-istudjużi tal-kariżma u l-ispiritwalità Karmelitana li jippubblikaw l-istudji tagħhom.

id-dinja u fil-knejjes li fihom hemm il-qima lejn Sant’Anġlu. Il-kundizzjonijiet biex tintrebaħ l-indulġenza huma dawk tas-soltu: Indiema mid-dnubiet bis-sehem fis-Sagrament tarRikonċiljazzjoni, l-Istqarrija tal-Fidi permezz talKredu, talb skont l-intenzjoni tal-Papa u s-sehem fil-Quddiesa bit-Tqarbina. L-indulġenza tista’ tiġi applikata wkoll għall-għeżież mejtin tagħna.

● 800 Sena mill-Martirju ta’ Sant’Anġlu

Nhar is-Sibt, 16 ta’ Mejju 2020, il-Papa Franġisku, ħatar lil P. Luis Francisco Miranda Rivera, O.Carm., Isqof tad-Djoċesi ta’ Fajardo-Humacao, fi Puerto Rico. P. Luis Francisco huwa membru tal-Kummissarjat Provinċjali tal-Antilli tal-Provinċja ta’ Aragona, Kastilja u Valenzja. Huwa twieled f'Santurce, Puerto Rico, fit-22 ta’ Jannar 1954. Wara li fil-15 ta’ Awwissu 1980 ipprofessa l-voti tal-Ubbidjenza, tal-Faqar u tas-Safa fl-Ordni Karmelitan, huwa studja t-Teoloġija fl-Università Pontifiċja ta’ Salamanca, Spanja, minfejn kiseb ukoll il-Liċenzja fit-Teoloġija dwar il-Ħajja Reliġjuża. Kien ordnat saċerdot fl-14 ta’ Settembru 1984. Qabel il-ħatra tiegħu ta’ Isqof, P. Luis Francisco kien id-Delegat Nazzjonali tat-Terz’Ordni Karmelitan li fi Puerto Rico huwa attiv ħafna, bi sbatax-il komunità ta’ Lajċi Karmelitani. Għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena huwa kien ukoll ilkappillan tal-parroċċa ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù f’San Juan afdata f’idejn il-Karmelitani. P. Luis Francisco kien ukoll Vigarju Episkopali tażżona ta’ San Juan - Santurce. Nifirħulu minn qalbna u nitolbu għalih.

Nhar il-Ħamis 30 ta’ April 2020, fil-kappella talVitorja fil-Forti Sant’Anġlu (Birgu), saret quddiesa fl-okkażjoni tan-Novena bi tħejjija għall-festa tal-Qaddis Karmelitan u l-ftuħ tal-Ġublew millMartirju tiegħu. Il-quddiesa kienet trażmessa live għas-Santwarju ta’ Sant’Anġlu f’Licata (Sqallija) u saret bl-għajnuna tal-Fort St. Angelo - Heritage Malta u tal-Arċipriet u l-Kapitlu tal-Kolleġġjata tal-Birgu. Qabel il-quddiesa, is-Sur George Agius mexxa vista gwidata tal-Forti Sant’Anġlu. Fi tmiem l-okkażjoni, f’isem il-Parroċċa ta’ San Lawrenz fil-Birgu, ir-reliġjużi Karmelitani kienu ppreżentati kopja ta’ ritratt antik li juri l-altar ta’ Sant’Anġlu qabel ma ġġarraf fit-Tieni Gwerra Dinjija. (Ritratt: Pierre Balzia, Fotografu ta' Heritage Malta.) Sadanittant, fil-bidu ta’ Mejju 2020, fl-okkażjoni tat-800 Sena mill-Martirju ta’ Sant’Anġlu ta’ Sqallija, il-Penitenzerija Appostolika tal-Vatikan ħabbret l-għoti ta’ Indulġenza Plenarja għal matul is-Sena tal-Ġublew li tibda u tagħlaq fil-5 ta’ Mejju 2020-2021. L-indulġenza tista’ tinkiseb fil-knejjes Karmelitani kollha mxerrda madwar

● Maħtur Isqof Karmelitan

● Akkwist ta’ ktieb rari Il-komunità Karmelitana tal-Imdina għadha kemm akkwistat ktieb rari u importanti fil-Josefoloġija għall-bibljoteka tagħha. Dan il-ktieb ta’ 661 paġna, bl-isem Istoria di S. Giuseppe sposo di Maria Vergine kien mitbugħ fl-1709. Huwa xogħol il-Karmelitan ċelebri P. Rafel Maria, imlaqqam il-Bavariż u magħruf bħala Magister et Doctor in Sacra Theologia. Huwa kien maħtur diversi drabi

18

Lulju - Settembru 2020

AĦBARIJIET

Provinċjal f’Napli tar-Riforma msejħa Della Vita. Fi żmienu, dan il-ktieb għen ħafna sabiex tinxtered id-devozzjoni lejn San Ġużepp. Aktar tard, fl1723, P. Rafel Maria kiteb ukoll Vita di S. Giuseppe ed esercizi di divozione per fruttuosamente venerare il medesimo santo. Bħall-ewwel ktieb, dan ukoll kien suċċess kbir. Il-kitba ta’ dan ilKarmelitan għenet ħafna biex jinħoloq il-ġeneru letterarju tal-kotba msejħa Il Divoto di San Giuseppe li kienu ppubblikati lejn tmiem isseklu 18 u fis-seklu 19. Ta’ min josserva li l-kult Ġużeppin fl-Ordni Karmelitan kien l-aktar qawwi fil-Movimenti tar-Riforma.

● San Ġużepp fil-Karmnu tal-Imdina F’għeluq il-150 sena mill-proklamazzjoni talPatroċinju ta’ San Ġużepp, il-komunità Karmelitana tal-Imdina ħadet ħsieb torganizza programm speċjali. Wara bosta tħejjijiet, nhar it-22 ta’ Frar 2020, l-istatwa ta’ San Ġużepp ittieħdet mill-

knisja tal-patrijiet Franġiskani ta’ Ġieżu tar-Rabat għall-knisja talKarmnu tal-Imdina u tqiegħed għallqima tal-Poplu ta’ Alla. Minn dakinhar sal-1 ta’ Marzu saru diversi ċelebrazzjonijiet min-naħa talkomunità filwaqt li kien hemm diversi pellegrinaġġi organizzati minn komunitajiet minn barra l-Imdina. Matul dawn il-jiem bosta devoti resqu għallqrar u t-tqarbin, kif ukoll numru sabiħ ta’ koppji ppreżentaw it-tfal subien tagħhom lil San Ġużepp. Il-Ġimgħa Ġużeppina fil-knisja tal-Karmnu talImdina għalqet nhar l-1 ta’ Marzu b’ċelebrazzjoni solenni tal-Patroċinju ta’ San Ġużepp b’quddiesa konċelebrata mmexxija mill-Provinċjal P. Joseph Saliba, O.Carm. Ħadu sehem il-membri talArċikonfraternità ta’ San Ġużepp fir-Rabat talImdina u tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp fis-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta. Waqt il-quddiesa, il-komunità tal-Imdina ppreżentat ċurkett Karmelitan lil San Ġużepp. L-Arċikonfraternità ntrabtet li dan iċċurkett, bl-arma tal-Ordni Karmelitan fuqu, jibqa’ mlibbes lill-vara ta’ San Ġużepp. Wara l-quddiesa, il-Provinċjal kixef u bierek irħama tal-okkażjoni. L-istatwa mbagħad ittieħdet proċessjonalment lura lejn il-Knisja ta’ Ġieżu fir-Rabat.

Il-Karmelu - Abbonament Isem u Kunjom: _____________________________________________________________ Indirizz: ___________________________________________________________________ _________________________ Kodiċi postali:________________ Sena tat-twelid:________ Tel / Mob: _________________ Email: __________________________________________ Ibgħat din il-formola flimkien mal-abbonament tiegħek ta′ 10 Ewro jew aktar bħala Sostenitur lil: L-Editur Il-Karmelu, P. Anthony Cilia, O.Carm., Kunvent tal-Karmnu, Misraħ Santa Venera, Santa Venera SVR 1681. Tista’ wkoll tgħaddi l-ħlas tiegħek lil xi ħadd mill-kollaboraturi tagħna (ara qoxra 2)

Lulju - Settembru 2020

19

NISA BIBLIĊI

Anna, Omm Samwel, u Marija minn P. Ivan Scicluna, O.Carm.

Fil-Bibbja nsibu ħafna talbiet, ħafna minnhom f’forma poetika, bħalma huma salmi u kantiċi. Dawn ma nsibuhomx biss fil-Ktieb tas-Salmi, imma tista’ tgħid fl-Iskrittura kollha. Il-kantiku bibliku li aħna l-aktar familjari miegħu huwa l-Kantiku Evanġeliku ta’ Marija, li spiss insibuh bħala l-Magnificat, bl-ewwel kelma tal-istess kantiku fil-verżjoni bil-Latin. Aktarx mhumiex ħafna dawk li jafu li f’dan ilkantiku hemm id-diwi ta’ kantiku ieħor mitTestment il-Qadim li jinsab f’L-Ewwel Ktieb ta’ Samwel. Huwa l-Kantiku ta’ Anna, talba ta’ tifħir u ringrazzjament li Anna toffri lil Alla talli sema’ talbha u taha iben, Samwel, li mbagħad sar mexxej tat-tribujiet ta’ Iżrael eżatt qabel ma’ saru monarkija bil-ħatra ta’ Sawl bħala sultan. L-eku ta’

Anna toffri lil binha Samwel fit-tempju ta’ Silo.

20

Lulju - Settembru 2020

kliem Anna f’dak ta’ Marija fil-Magnificat iwassal lilna l-Insara biex f’Anna, omm Samwel, naraw xbieha u tħabbira ta’ Marija, Omm Ġesù. Il-ġrajja ta’ Anna nsibuha f’1 Sam 1,1-2,11. Anna kienet waħda miż-żewġ nisa ta’ ċertu Elkana li kien minn Efrajm. Filwaqt li l-mara l-oħra, Peninna, kellha t-tfal, Anna ma kellhiex, u minħabba f’hekk Peninna kienet tinki lil Anna, tweġġagħha u saħansitra tbikkiha. Jekk il-problema tal-infertilità hi kawża ta’ wġigħ ta’ qalb għal ħafna nisa llum, aħseb u ara fiżżminijiet bibliċi meta ż-żwieġ u l-ulied kienu l-uniċi realtajiet li kienu jagħtu skop, valur u sodisfazzjon lill-ħajja ta’ mara. Mara Iżraelita kienet mistennija tagħti dixxendenza lil żewġha u lill-poplu tagħha. L-Iżraeliti kienu jqisu l-ġuf ta’ kull mara tal-Poplu l-Magħżul ta’ Alla bħala “l-għajn ta’ Iżrael”. Mara li ma tilidx kienet mara falluta. Terġa’, fil-mentalità Iżraelita antika, il-frott tal-ġuf kien l-ewwel fost il-barkiet li bihom il-Mulej kien jiffavorixxi l-poplu tiegħu. Alla kien meqjus li jżomm f’idejh il-“muftieħ tal-ġuf”, u l-ġuf kien il-post simboliku tal-barka u tal-grazzja t’Alla (ara Salmi 127,3 u 128,3-4), imxebbah ma’ bir u ma’ għajn, sorsi tal-ilma li hu hekk meħtieġ għall-ħajja (ara Prov 5,15.18). Jekk fil-mentalità Iżraelita antika l-fertilità hija barka t’Alla, l-isterilità, bil-maqlub, hija saħta, mistħija u mewt, kif nistgħu naraw fil-ġrajjiet ta’ wħud min-nisa u ommijiet ewlenin ta’ Iżrael, bħal Sara, Rebekka, Rakel, omm Sansun, Anna u, fit-Testment il-Ġdid, Eliżabetta, omm Ġwanni l-Battista. Madanakollu, fil-Bibbja Alla jidher bħala dak li xejn mhu iebes iżżejjed għalih (Ġen 18,14), u għandu s-setgħa kemm li jagħlaq kif ukoll li jiftaħ il-ġuf: “Il-mara bla wlied iqegħidha f’darha,

NISA BIBLIĊI

Marija tippreżenta lil Binha Ġesù fit-tempju ta’ Ġerusalemm.

jagħmilha omm ferħana bi wliedha” (Salm 113,9). Alla jisma’ l-karba tal-ommijiet sterili ta’ Iżrael, u jiftħilhom l-għajn ta’ ġufhom, u hekk diġà jibda juri ruħu bħala Alla li jagħti l-qawmien mill-mewt, kif tgħid Anna nfisha fil-kantiku tagħha: “Il-Mulej jibgħat il-mewt u jagħti l-ħajja, iniżżel fl-imwiet u jerġa’ jtalla’” (1 Sam 2,6). Hekk għamel Alla ma’ Anna meta “qalbha kollha mrar” (1 Sam 1,10) talbet u bkiet ħafna quddiemu fit-tempju ta’ Silo, u wegħditu li jekk jagħtiha tifel, terġa’ toffrih lura lilu. Il-ġrajja tgħidilna li Alla “ftakar fiha”, u “wildet iben u semmietu Samwel” (1Sam 1,19). Meta mbagħad, skont il-wegħda tagħha, marret biex toffri lil binha Samwel u tħallih fit-tempju ta’ Silo għas-servizz ta’ Alla, hija nfexxet f’talba ta’ tifħir u radd il-ħajr (ara 1 Sam 2,1-10). Minkejja li huma madwar elf sena bogħod minn xulxin, il-kantiċi ta’ Anna u Marija huma marbuta bejniethom b’elementi komuni. Fit-tnejn li huma għandna ċelebrazzjoni ta’ radd il-ħajr għad-don ta’ Alla, u tifħir lil Alla li jniżżel is-setgħana u jgħolli ’l-umli. Filwaqt li Anna tinfexx tgħid: “Ferħet qalbi fil-Mulej; intrefgħet rasi fil- Mulej (…) għax fraħt bis-salvazzjoni tiegħek,” (1 Sam 2,1), Marija tistqarr: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi” (Lq 1,46-47). It-tnejn ifaħħru l-Mulej bħala Alla li jġib fix-xejn

is-sigurtajiet li bihom iserrħu rashom il-kburin, waqt li jerfa’ lill-umli li jittamaw fih. Anna tgħid: “Tkisser il-qaws tal-qawwijin, u d-dgħajfin tħażżmu bil-ħila. L-imxebbgħin bil-ħobż inkrew, u ma baqgħux jitħabtu l-imġewħin (…) Il-Mulej ifaqqar u jagħti l-ġid, ibaxxi u jgħolli wkoll. Iqajjem mit-trab lill-imsejken u l-fqajjar jerfgħu mill-miżbla, u jqegħedhom mal-kbarat, biex jirtu tron ta’ ġieħ” (1 Sam 2,4-8), filwaqt li Marija tgħanni: “Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin. Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn” (Lq 1,51-53). F’Anna għandna eżempju klassiku ta’ mara maħqura, waħda mill-“fqajrin” leali lejn Alla, li jibqgħu iserrħu fuq Alla fit-tiġrib li jiġi fuqhom. Anna, li ġarrbet il-moħqrija ta’ Peninna, hi xbieha tal-poplu ta’ Iżrael, li dak iż-żmien kien magħkus mit-theddida tal-Filistin. Il-fatt li Alla ftakar f’Anna, u taha iben li kellu jkun hekk importanti għal Iżrael, kien sinjal li Alla kien se jiftakar ukoll f’Iżrael fit-tiġrib tiegħu u jeħilsu mill-għedewwa tiegħu, kif tagħti x’tifhem Anna fil-kantiku tagħha. Jekk f’Anna, omm Samwel, għandna eżempju klassiku taċ-“ċkejknin” tal-Mulej u xbieha ta’ Iżrael, f’Marija, li fil-Magnificat issejjaħ lilha nfisha l-qaddejja ċkejkna tal-Mulej, għandna xempju ta’ dawn “iċ-ċkejknin” li jafdaw biss f’Alla, kif ukoll xbieha perfetta tal-Knisja, li tul il-pellegrinaġġ tagħha fid-dinja hi wkoll maħqura u mhedda millqawwiet tal-ħażen. Il-Konċilju Vatikan II isejjaħ lill-Marija “l-ewwel fost l-umli u l-fqar tal-Mulej, li minnu jittamaw b’fiduċja s-salvazzjoni u jiksbuha” (Lumen Gentium 55). Kif Anna ssir sinjal ta’ tama għall-poplu maħqur tagħha, meta Alla jiftakar fiha u jagħtiha li tiled mexxej futur importanti għal Iżrael, hekk Marija, li biċ-ċokon tagħha ġibdet fuqha l-ħarsa ta’ Alla, u kellha x-xorti waħdanija li tiled ’l Ibnu u l-Feddej tagħna, hi għalina garanzija tal-fedeltà ta’ Alla lejna, u sinjal li fina wkoll għad isseħħ fil-milja tagħha l-opra tal-fidwa ta’ Binha Ġesù, li biha Alla ħelisna mill-ħakma bla ħniena tad-dnub u tal-mewt. Lulju - Settembru 2020

21

TIFKIRIJIET

Santi u skrizzjonijiet minn P. Martin D. Schembri, O.Carm.

Fl-imgħoddi, meta konna għadna tfal, wieħed mill-passatempi l-aktar komuni tagħna kien li nġemmgħu s-santi, dawk ix-xbihat żgħar talqaddisin li ħafna drabi konna nġibuhom mill-knisja jew mill-Mużew, mill-klassi tad-duttrina, jew inkella konna nixtruhom minn xi ħanut bażar. Bħala regola ġenerali, dawn is-santi kien ikollhom fuq quddiem ix-xbieha ta’ xi qaddis jew qaddisa u fuq in-naħa ta’ wara l-ħajja tagħhom fil-qosor, jew inkella xi talba biex il-qaddis/a jidħlu għalina. L-għan tas-santi kien li wieħed isir jaf aħjar lil dawn il-bnedmin li għexu ħajja tajba, u wkoll biex wieħed iżomm ruħu aktar qrib t’Alla u fil-preżenza tiegħu. Bosta nisa twajba kienu jħobbu jagħmlu wegħda li jekk jaqalgħu l-grazzja li jkunu qed jitolbu, iqassmu numru ta’ santi bħala ringrazzjament ‘l Alla u biex ikomplu jxerrdu d-devozzjoni lejn il-qaddis/a li jkunu daħlu għalihom quddiem Alla. Imma s-santi ma kinux jintużaw għalhekk biss. Fl-imgħoddi, użanza komuni ħafna kienet dik li s-santi jintużaw biex ifakkru xi okkażjoni speċjali fil-ħajja Nisranija tal-individwu, bħalma huma: L-Ewwel Tqarbina, Il-Griżma tal-Isqof, Iż-Żwieġ, Id-dħul ta’ żgħażagħ għall-ħajja reliġjuża, IlProfessjoni Sempliċi jew Solenni ta’ xi reliġjuż/a, L-Ordinazzjoni Saċerdotali. Billi llum ninsabu fi żminijiet oħra, u kemm in-numru tat-tfal kif ukoll tal-kandidati għall-Ħajja Reliġjuża u Saċerdotali naqas ħafna, magħhom naqas ukoll l-użu tassanti. Ironikament, din l-użanza l-aktar li baqgħet ħajja hija fl-okkażjoni tal-mewt! F’dan id-daqsxejn ta’ artiklu nixtieq ngħaddilkom xi tagħrif dwar santi xi ftit “speċjali” aktar minn oħrajn, santi li kienu jitqassmu mir-reliġjużi Karmelitani fl-okkażjonijiet memorabbli tagħhom. Hawn, aktar milli għax-xbieha ta’ quddiem,

22

Lulju - Settembru 2020

nixtieq nitkellem fuq l-iskrizzjonijiet jew it-talbiet li hemm fuq wara ta’ xi santi. Tajjeb ngħidu li din l-iskrizzjoni/talba, għalkemm qasira, ma kinitx issir bl-addoċċ, imma warajha kien ikun hemm ħafna ħsieb u tħabbil il-moħħ. Minħabba f’hekk mhux kulħadd kien jindaħal għal biċċa xogħol bħal din. Ħafna drabi, il-kandidati kienu jfittxu u jqabbdu lil xi saċerdot għaref u qaddis li kien ikun lawreat fit-Teoloġija. Imma mhux is-saċerdoti kollha kienu jridu li jidher isimhom. Infatti, filwaqt li xi wħud mill-iskrizzjonijiet/talb nafu min hu l-awtur tagħhom, oħrajn ma nafux min kitibhom.

TIFKIRIJIET

Meta niflu daqsxejn is-santi tar-reliġjużi tasseklu l-ieħor, insibu li wieħed mill-patrijiet l-aktar imfittex għal dawn l-iskrizzjonijiet/talbiet kien il-professur Anastasju Cuschieri, Karmelitan, il-Poeta tal-Madonna u tal-Kelma Maltija. Fost issanti ta’ dawk il-kandidati għall-ħajja reliġjuża u saċerdotali ta’ żmienu nsibu li hu kiteb 'il fuq minn għoxrin skrizzjoni/talba. Kull waħda minnhom hija magħmula minn kliem magħżul u mirqum, b’xi wieħed mill-ilsna komuni ta’ dak iż-żmien: il-Latin, it-Taljan jew il-Malti. Interessanti l-fatt li l-ewwel waħda li l-Prof. Cuschieri kiteb bil-Malti kienet fl1944 għall-Professjoni Solenni ta’ P. Manwel Gatt, O.Carm. (Ara l-ewwel santa).

Nafu li din l-iskrizzjoni/talba hija ta’ P. Anastasju Cuschieri għax fl-aħħar tas-santa għandna l-inizjali tiegħu: P.A.C. Patrijiet Karmelitani oħra li użaw ilġenju tal-Prof. għal xi okkażjoni speċjali f’ħajjithom kienu: P. Elija Caruana, P. Innoċenz Zerafa, P. Amandu Baluci, P. Ugo Mallia, P. Gabriele (Renat) Valente, P. Pier Tumas Gatt, P. Timotju u ħuh P. Kilian Azzopardi, P. Piju Serracino Inglott, P. Romeo Grech, P. Beneditt Caruana u P. Bernard Farrugia. Tajjeb inżidu ngħidu, li fost dawn il-patrijiet li għadni kemm semmejt, l-aħħar tnejn, kienu wkoll, aktar tard, imfittxija sabiex jiktbu l-iskrizzjonijiet/ talbiet għal ħuthom ir-reliġjużi.

Imbagħad, l-ewwel skrizzjoni/talba għal santa tal-Ewwel Quddiesa Solenni kitibha fl-1953. Din kienet għal P. Simon Mamo, Karmelitan, li fis27 ta’ Settembru ċċelebra l-Quddiesa tiegħu fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu, il-Belt Valletta. P. Xmun, kif nafuh aħna, kien jiftaħar ma’ kulħadd li tiegħu kienet l-ewwel skrizzjoni/ talba tal-Prof. li saret bil-Malti għall-okkażjoni ta’ Saċerdot Novell! P. Anastasju kitiblu hekk fissanta:

Imbagħad, santa “speċjali” oħra, li nsibu fost issanti tar-reliġjużi Karmelitani tal-imgħoddi, hija din t’hawn fuq. L-iskrizzjoni/talba tagħha hija miktuba mill-Poeta Nazzjonali Malti, Dun Karm Psaila. L-okkażjoni kienet il-Professjoni Solenni fl-Ordni Karmelitan ta’ Fra Filippu Briffa li saret fil-25 ta’ Ottubru 1953. Fi tmiem is-santa hemm l-inizjali D.K.P., li jfissru: Dun Karm Psaila. Jidher li Fra Filippu kien midħla sew ta’ Dun Karm, għax it-tnejn kienu minn Ħaż-Żebbuġ!

Lulju - Settembru 2020

23

TERZ’ORDNI

Laqgħat ta’ Formazzjoni Skeda 3 minn P. Charlò Camilleri, O.Carm.

Fl-iskemi tal-Laqgħat ta’ Formazzjoni għatTerz’Ordni, bħalma aktarx indunajtu, għafasna fuq l-importanza tal-laqgħa regolari u s-sehem tagħna fiha, kif ukoll dwar l-istruttura proprja li għandha tieħu l-laqgħa. Għafasna wkoll fuq il-ħajja talaħwa u fis-sehem ta’ kull imsieħeb jew imsieħba f’din il-ħajja li hija essenzjali. Mingħajrha ma jistax ikun hemm ħajja Karmelitana, hi ta’ liema forma hi. Tant hija essenzjali l-ħajja tal-aħwa, u din tajjeb inżommuha quddiem għajnejna, li r-Regola għandha numru preċiż li jiddetermina liema huma dawk is-sitwazzjonijiet rari li msieħeb jew imsieħba jiġu maħlulin mis-sehem attiv filħajja tal-aħwa. Qed nirreferi hawnhekk għannumru 78. Hawnhekk se nikkwotawh sħiħ sabiex tkun ċara f’moħħ kull Terzjarju u Terzjarja, kif ukoll f’moħħ dawk li huma responsabbli millaċċettazzjoni ta’ Terzjarji ġodda u l-formazzjoni tagħhom: Dawk li jgħixu bogħod minn komunità u ma jistgħux jieħdu sehem fil-ħajja tal-istess komunità, għal raġunijiet partikolari jistgħu jidħlu fit-Terz’Ordni, ukoll jekk ma jiġux aċċettati f’komunità determinata, sakemm, bla ħsara għarregoli dwar id-dħul u l-professjoni, għandhom jgħixu skont ir-Regola tat-Terz’Ordni tal-Karmelu u taħt it-tmexxija tas-superjuri jew tal-konfessur tagħhom. Minkejja dan, huwa rakkomandat kuntatt ta’ spiss mal-Assistent tal-komunità l-aktar qrib. L-Istatuti rispettivi għandhom jieħdu ħsieb it-taħriġ tagħhom sew tal-bidu u sew permanenti. Fil-qosor mela r-raġunijiet leġittimi li jiġġustifikaw li persuna msieħba ma tiħux sehem fil-ħajja talaħwa, nistgħu ngħidu li huma tnejn: 1. Tgħix ’il bogħod mill-komunità...: Bogħod

24

Lulju - Settembru 2020

ma aħniex nifhmu hawnhekk siegħa karozza. F’Malta din in-norma prattikament ma tgħoddx. Biex nagħti eżempju ta’ bogħod fil-ħsieb tarRegola huwa bħal meta xi ħadd jixtieq jissieħeb fit-Terz’Ordni u fir-reġjun jew fin-nazzjon fejn jinsab ma hemmx preżenza Karmelitana, iżda xorta hemm ix-xewqa tat-tisħib għax hemm sejħa Karmelitana. 2. ...u ma jistgħux jieħdu sehem fil-ħajja talistess komunità: jew minħabba 'il bogħod kif semmejna fin-numru 1, jonkella għax hemm tassew raġunijiet gravi u serji li persuna ma tistax tagħmel mod ieħor. L-istess numru 78 imbagħad ikompli jfisser dawn il-każijiet x’jimplikaw: 1. jistgħu jidħlu fit-Terz‘Ordni, ukoll jekk ma jiġux aċċettati f’komunità determinata, sakemm, bla ħsara għar-regoli dwar id-dħul u l-professjoni, għandhom jgħixu skont ir-Regola tat-Terz’Ordni tal-Karmelu u taħt it-tmexxija tas-superjuri jew tal-konfessur tagħhom: Tant hija importanti l-fraternità u l-komunità li wkoll jekk persuna taqa’ taħt il-każi 1 u 2, xorta jeħtiġilha tieħu l-formazzjoni mitluba u tgħaddi mill-proċess kollu hekk kif tistabbilixxi r-Regola. 2. Minkejja dan, huwa rakkomandat kuntatt ta’ spiss mal-Assistent tal-komunità l-aktar qrib. L-Istatuti rispettivi għandhom jieħdu ħsieb ittaħriġ tagħhom sew tal-bidu u sew permanenti. Dan ifisser li xorta jrid ikun hemm kuntatt malFraternità jew komunità permezz tal-Assistent Spiritwali u wkoll bis-sehem tagħhom filformazzjoni tal-bidu u kontinwa. Mela hija ċara li l-ħajja tal-fraternità u s-sehem ta’ kull imsieħeb jew imsieħba fiha hija essenzjali. Min iħoss li din il-biċċa ma tgħoddx għalih,

TERZ’ORDNI

jonkella min hu responsabbli mill-formazzjoni jinnota li l-persuna li qed titlob li tissieħeb qed tonqos fuq dan il-livell, għandhom iqisu jħallux it-Terz’Ordni jew li ma jiġux aċċettati għall-vestizzjoni u l-professjonijiet temporanja u perpetwa. Min jixtieq ikun parti mill-Familja Karmelitana u jara li l-impenji mitluba mir-Regola tat-Terz’Ordni huma wisq impenjattivi, jagħżel it-triq l-oħra tal-Kitba fil-Labtu tal-Madonna talKarmnu, u jgħix il-ħajja devota tiegħu skont kif jidhirlu. Iżda min jipprofessa fit-Terz’Ordni għandu jżomm f’moħħu li qed jieħu fuqu responsabbiltà u impenn quddiem Alla u l-Ordni. Sfortunatament għadna bil-mentalità li t-Terzjarju huwa xi tip inqas ta’ Karmelitan, għax ma setax isir reliġjuż jew reliġjuża, qisu l-inbid tat-tielet għasir, jew tal-għasir tal-fdal u l-qxur tal-għenba! Nammettuha li t-terminu klassiku wkoll użat ma jgħinx fit-taħdit u l-ħsieb popolari. L-espressjoni Terz’Ordni donnha tinftiehem, Ordni tat-tielet klassi fil-kwalità u fl-impenn. Huwa għalhekk ukoll li r-Regola l-ġdida titkellem iktar minn espressjoni li iktar tagħmel sens: Ordni Karmelitan Sekulari, li tiġbor fiha dawk il-Karmelitani li mhumiex reliġjużi, u li f’kelma waħda ma jgħixux filkunvent. Dawn jistgħu jkunu lajċi u qassisin djoċesani jew iktar preċiżament sekulari. Li nibdew ukoll f’pajjiżna nużaw din l-espressjoni naħseb jagħmel iktar tajjeb biex malajr kemm jista’ jkun nibdlu l-mentalità tagħna għax il-ħajja fit-Terz’Ordni hija, kif tgħid ir-Regola bosta drabi, mibnija fuq sejħa li persuna tirċievi mingħand Alla. U ta din is-sejħa aħna responsabbli quddiem

Alla ġaladarba nilqgħuha. Għaldaqstant kemm jekk reliġjuż/a, kemm jekk terzjarju/a għandha nfittxu li ngħixu s-sejħa Karmelitana mija fil-mija, ukoll jekk fir-rispett tal-fiżjonomija partikulari ta’ kull forma ta’ ħajja Karmelitana. Dan qed ninsisti dwaru għax jidhirli li hija waħda millaffarijiet li jeħtieġ nibdlu filmentalità tagħna. Dan jidher meta tisma’ b’każijiet ta’ persuni li jiġu aċċettati għallvestizzjoni sempliċiment għax ġiet il-ġimgħa tal-festa, u filjum animat mit-Terzjarji, sabiħ li jkollna l-famuża “kitba” fitTerz’Ordni, imbagħad ma tarahomx aktar! Min irid sempliċiment kitba, jinkiteb fil-Labtu u mhux jissieħeb fit-Terz’Ordni. Għaldaqstant tajjeb li fil-Komunità Reliġjuża jinżamm ukoll ir-reġistru ta’ dawk li jinkitbu filLabtu tal-Madonna tal-Karmnu filwaqt li r-Reġistru tat-Terzjarji jinżamm għalih fil-Fraternità Sekulari. Ir-Regoli klassiċi tal-Ordni Karmelitan Sekulari kienu jinsistu li għandha tkun ċara d-distinzjoni fit-tisħib tat-Terz’Ordni u tal-kitba fil-Labtu, sabiex ma jkunx hemm taħwid u ma jiddgħajjifx l-impenn tas-Sekulari li jintrabtu mal-Ordni bilprofessjoni. Tajjeb fil-laqgħat tal-Fraternitajiet tagħna nirriflettu dwar dan u naħsbu sewwa sabiex intejbu l-kwalità tal-Ħajja Karmelitana li rċevejna b’sejħa mingħand Alla.

Benefatturi fis-sema Nazzareno Farrugia, li miet fil-15 ta’ April 2020, fl-għomor ta’ 77 sena. Nazzareno huwa ħu Margaret Farrugia, kollaboratriċi kbira ta’ Il-Karmelu fil-Fgura. Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Lulju - Settembru 2020

25

QADDISIN

San Ġlormu Saċerdot, Teologu u Storiku

minn P. Hermann Duncan, O.Carm. Din is-sena qed niċċelebraw l-1600 anniversarju mill-mewt ta’ San Ġlormu. Ġlormu jew Eusebius Hieronymus bil-Latin, twieled fi Stridon (x’aktarx qrib Ljubljana ta’ llum, fis-Slovenja), madwar issena 347. Huwa twieled ġewwa familja Nisranija għanja. Beda l-edukazzjoni tiegħu fid-dar fejn kien jgħix, u mbagħad fl-età ta' tnax-il sena, ġie mibgħut Ruma mill-ġenituri tiegħu. Hemm studja l-Grammatika, il-Filosofija u r-Rettorika, u qara kemm felaħ il-letteratura Latina. Lejn it-tmiem tat-tagħlim tiegħu, Ġlormu ġie mgħammed, x’aktarx mill-Papa Liberius innifsu. Matul l-għoxrin sena li segwew, Ġlormu vvjaġġa ħafna. Ġewwa Treveris, illum magħruf bħala Trier (fil-Ġermanja), huwa wera interess filmonastiċiżmu. Fl-Aquileia (fl-Italja), daħal ma’ grupp ta’ axxetiċi li nġabru madwar l-Isqof Valerjanu. Wara Aquileia, Ġlormu mar fuq pellegrinaġġ lejn il-Lvant, u meta wasal f’Antjokja fis sena 374, ġie mistieden mill-qassis Evagrius biex jgħix għandu. Hawnhekk jingħad li Ġlormu seta’ kiteb l-ewwel xogħol magħruf tiegħu De septies percussa. Is-sena ta’ wara, fil-bidu tar-rebbiegħa, Ġlormu marad serjament u kellu ħolma li kellha tħalli impatt profond fuqu. Ħolom li nġieb quddiem ilQorti tas-Sema fejn ġie akkużat li hu segwaċi ta’ Ċiċerun, Filosofu Ruman tal-ewwel seklu, u mhux ta’ Kristu. Għal din l-imġiba tiegħu, huwa kien ikkundannat għal swat kbir. Meta qam mill-ħolma,

26

Lulju - Settembru 2020

huwa ħalef li qatt aktar ma jerġa’ jaqra letteratura pagana, jew saħansitra jkollu fil-pussess tiegħu letteratura bħal din. Ftit żmien wara, kiteb l-ewwel xogħol interpretattiv kritiku tiegħu, kummentarju dwar il-Ktieb tal-profeta minuri Obadija. Mhux wisq wara din l-esperjenza, Ġlormu telaq lejn id-deżert ta’ Chalcis fis-Sirja biex jgħix ħajja ta’ eremita, bit-tama li jsib il-paċi ġewwinija. L-esperjenza fid-deżert uriet li kienet prova kiefra. Huwa ma kellu l-ebda gwida u l-ebda esperjenza fil-monastiċiżmu. L-istonku tiegħu kien dgħajjef u mhux wisq tolleranti għall-ikel tad-deżert. Peress li huwa kien jitkellem biss bil-Latin, kien terribbilment solitarju fost il-kelliema Griegi u Sirjani, u spiss kien ibati mit-tentazzjonijiet karnali. Madankollu Ġlormu dejjem sostna li kien kuntent hemmhekk. Huwa ġġieled il-problemi tiegħu bis-sawm u bit-talb. Tgħallem l-Ebrajk minn wieħed Lhudi li kien kkonverta għall-Kristjaneżmu. Ħadem ħafna biex jipprattika l-ilsien Grieg u żamm korrispondenza frekwenti mal-ħbieb li kien għamel tul il-vjaġġi tiegħu. Kellu wkoll xi manuskritti. Wara ftit snin, madankollu, l-irħieb tad-deżert daħlu f’kontroversja mal-uffiċċju talIsqof ta’ Antjokja. Minħabba f’hekk Ġlormu sab ruħu f'pożizzjoni diffiċli u ddeċieda li jitlaq minn Chalcis. Huwa reġa’ lura lejn Antjokja, fejn ġie mistieden għal darb’oħra għand Evagrius li introduċieh lill-mexxejja importanti tal-Knisja, inkluż l-Isqof

QADDISIN

Pawlinu. Ġlormu żviluppa reputazzjoni bħala studjuż kbir u axxetiku serju, u l-isqof riedu jsir saċerdot. Ġlormu aċċetta bil-kundizzjoni li jingħata l-permess biex ikompli l-interessi monastiċi tiegħu u li qatt ma jkun imġiegħel jieħu dmirijiet saċerdotali. Ġlormu qatta’ t-tliet snin segwenti jistudja l-Iskrittura b’mod intensiv. Huwa kien influwenzat ħafna minn Girgor ta’ Nissa u Girgor Nazjanzenu, li l-ideat tagħhom dwar it-Trinità kellhom isiru l-istess fil-Knisja kollha. F’ħin minnhom, huwa vvjaġġa lejn Beroea fil-Maċedonja, fejn komunità Nisranija ta’ Lhud kellha kopja ta’ test Ebrajk, li kienu tal-fehma li kien l-Evanġelju oriġinali ta’ San Mattew. Huwa kompla jtejjeb l-istudju tiegħu talGrieg u wasal biex jammira lil Oriġene, fejn qaleb għal-Latin erbatax-il prietka tiegħu. Huwa wkoll ittraduċa l-Chronicon (Kronaki) ta’ Ewsebju. Madwar erba' snin wara, fis-sena 382, Ġlormu reġa’ lura lejn Ruma u sar segretarju tal-Papa Damasu. Il-Papa ħeġġu jikteb xi kitbiet qosra li jfissru l-Iskrittura, u ġie mħeġġeġ biex jaqleb żewġ prietki ta’ Oriġene dwar il-Ktieb il-Għanja tal-Għanjiet. Filwaqt li kien qed jaħdem għallPapa, Ġlormu uża l-aqwa manuskritti Griegi li seta’ jsib biex jirrevedi l-verżjoni Latina antika tal-Vanġeli. Dan kien tentattiv li ma rnexxiex għalkollox, u barra minn hekk, ma ntlaqax tajjeb ħafna fost il-kleru Ruman. Waqt li kien Ruma, Ġlormu mexxa eżerċizzji għal nisa Rumani nobbli (romol u verġni) li kienu interessati fil-ħajja monastika. Huwa kiteb ukoll artikli li jiddefendu l-idea ta’ Marija bħala verġni perpetwa u li oppona l-idea li ż-żwieġ kien daqstant virtuż daqs ilverġinità. F’waħda mill-kitbiet tiegħu ħadha kontra patri Ġovinjan, li sostna li ż-żwieġ u l-verġinità għandhom jitqiesu fuq l-istess livell u għalhekk kiteb Adversus Jovinianum. Ġlormu sab ħafna laxkezza u korruzzjoni fost il-kleru Ruman. Hu ma qagħadx lura milli juri l-verità. Minħabba f’hekk u l-imħabba tiegħu għall-monastiċiżmu, huwa ħoloq bosta għedewwa fost ir-Rumani. Wara l-mewt tal-Papa Damasu, Ġlormu ħalla Ruma u telaq lejn l-Art Imqaddsa.

Michelangelo Merisi (1571-1610), magħruf bħala Caravaggio: San Ġlormu. Akkumpanjat minn uħud mill-verġni ta’ Ruma li kienu mmexxija minn Pawla (waħda mill-eqreb ħbieb tiegħu). Ġlormu vvjaġġa madwar il-Palestina, żar siti ta’ importanza reliġjuża u studja kemm l-aspetti spiritwali kif ukoll dawk arkeoloġiċi. Wara sena huwa beda jgħix f’Betlehem, fejn, taħt iddirezzjoni tiegħu, Pawla waqfet monasteru għallirġiel u tliet monasteri għan-nisa. Hawnhekk Ġlormu għex il-kumplament ta’ ħajtu. Fl-aħħar 34 sena ta’ ħajtu, Ġlormu kiteb il-biċċa l-kbira tax-xogħlijiet tiegħu. Minbarra xogħlijiet dwar il-ħajja monastika u d-difiżi ta’ prattiċi Teoloġiċi, fosthom il-monastiċiżmu u ċ-ċelibat klerikali, huwa kiteb ukoll xi ftit Storja, ftit bijografiji u ħafna tifsiriet kritiċi bibliċi. Billi għaraf li x-xogħol li kien beda fuq l-Evanġelji ma kienx adegwat biżżejjed, beda juża dawk l-edizzjonijiet l-iktar awtorevoli biex jirrevedi l-verżjoni tiegħu. Ġlormu wkoll ittraduċa l-kotba tat-Testment ilQadim għal-Latin. Filwaqt li l-ammont ta’ xogħol li għamel kien konsiderevoli, Ġlormu ma rnexxilux jagħmel traduzzjoni sħiħa tal-Bibbja għal-Latin. Madankollu, ix-xogħol tiegħu jifforma l-qalba ta’ dik li kellha ssir magħrufa bħala l-Vulgata. Ġlormu miet fl-420 ġewwa Betlehem. Fil-Medju Evu u aktar tard fil-perjodu Rinaxximentali, San Ġlormu sar personaġġ popolari għall-artisti, fosthom Leonardo da Vinci, Caravaggio u Mattia Preti. San Ġlormu huwa l-qaddis patrun tal-librara u t-tradutturi. Lulju - Settembru 2020

27

POEŻIJA

Lill-Madonna tal-Karmnu minn Leonard Grech, TOK

O Madonna tal-Karmelu int li tajtna l-labtu tiegħek biex turina kemm int tħobbna u ħajjitna naqsmu miegħek. Ibqa’ magħna u ħu ħsiebna ta’ din qalbna int reġina kun it-tarka, id-difiża ‘l ibnek b’għożża fis urina. Jien inħobbok omm għażiża nitlob lilek kbir unur żommni dejjem qrib ta’ ibnek għax hu tiegħi salvatur. Jiena naf li minnek jisma’ hu ta lilek bħala ommna aħna wliedek omm tal-ħniena u fi ħdanek fittex żommna. Lil familti jien inpoġġi taħt il-ħarsa ta’ għajnejk indukrana issa u dejjem tħalli qatt nitilqu jdejk. Fuq is-sodda tal-mewt tagħna fittex ejja itbissmilna ħudna dritt għand Ġesù ibnek bieb il-ġenna żgur jiftħilna.

28

Lulju - Settembru 2020